Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni biex jibbottiljaw l-LPG f’ċilindri li jistgħu jinġarru skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17.
“Ibbottiljar tal-LPG” tfisser li tpoġġi l-LPG f’kontenituri li jistgħu jiġu trasportati, li huma addattati biex jintużaw bl-LPG u li jikkonformaw mar-Regolamenti dwar Tagħmir tal-Pressa Trasportabbli.
Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:
- tibbottilja l-LPG f’ċilindri portabbli;
- iġġedded awtorizzazzjoni għall-ibbottiljar tal-LPG f’ċilindri portabbli;
- tittrasferixxi awtorizzazzjoni għall-ibbottiljar tal-LPG f’ċilindri portabbli;
għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma tipprovdi u toffri dak is-servizz, u topera dik is-sistema, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.
Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ibbottiljar tal-LPG u għall-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Awtorizzazzjoni sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.
Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ibbottiljar tal-LPG f’Ċilindri Portabbli:
Bottling of LPG Form (English Version) REWS/092/v7-03-02/20
Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
- Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.
Għall-applikazzjonijiet kollha:
- Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant jew f’każ ta’ entità legali, kopja tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
- Kopja oriġinali taċ-ċertifikat tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija, li fid-data tal-applikazzjoni ma jkunx ilu li ħareġ aktar minn tliet (3) xhur. F’każ ta’ kumpaniji, jintalbu wkoll iċ-ċertifikat(i) tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tar-rappreżentant(i) legali.
- Pjan tan-Negozju tal-operazzjonijiet proposti bi projezzjoni ta’ tliet (3) snin, inkluż projezzjonijiet finanzjarji.
Fl-istadju tad-disinn (f’każ ta’ impjant ġdid tal-ibbottiljar tal-LPG):
- Proposta Teknika kkompilata mill-Persuna Kompetenti, li tindika d-dettalji tad-disinn propost għall-impjant tal-ibbottiljar u l-operazzjonijiet proposti li se jkunu qed jiġu mwettqa.
Wara li jkun inħareġ permess preliminari mir-Regolatur u malli jitlesta l-impjant il-ġdid tal-ibbottiljar tal-LPG:
- Ċertifikat ta’ Konformità maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tal-impjant tal-ibbottiljar tal-LPG;
- Kopja tal-Permess Ambjentali / Permess dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis (IPPC) maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fir-rigward tal-installazzjoni;
- Rapport tal-Kummissjonar ikkompilat mill-Persuna Kompetenti;
- Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżati mill-operazzjonijiet li jiġu mwettqa fl-impjant tal-ibbottiljar tal-LPG.
It-tariffi applikabbli huma kif ġej:
- It-tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, għat-twettiq tal-attività tal-ibbottiljar tal-LPG hi ta’ €233 (mitejn u tlieta u tletin ewro);
- Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €2,329.
Ir-regolament 34 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux aktar minn tmintax-il xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn disgħa u sittin elf u tmien mija u wieħed u tmenin ewro u għoxrin ċenteżmu (€69,881.20), jew ta’ elf u tliet mija u sebgħa u disgħin ewro u tnejn u sittin ċenteżmu (€1,397.62) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.
Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:
- kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
- ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
- mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
- f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ibbottiljar tal-LPG, ir-regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet (3) xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 10 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur sitt (6) xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.
Ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 14 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17.
You may submit the application form together with all associated documentation and relevant payments referred to in the application form either by post or by hand to:
Regulator for Energy and Water Services,
Zentrum Business Centre, Level 1,
Mdina Road,
Qormi – QRM 9010,
Malta.