Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jirċievi u jikkonsidra kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu bejn konsumatur u provditur awtorizzat.
“Provditur awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew persuna legali, irrispettivament jekk din tkunx privata jew pubblika, li taġixxi (inkluż permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha jew għan-nom tagħha) għal skopijiet relatati mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha, u li jkollha awtorizzazzjoni valida biex topera, tipprovdi jew twettaq kwalunkwe attività jew operazzjoni jew biex tipprovdi kwalunkwe servizz relatat mal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija u l-ilma.
Biex tissottometti lment taħt ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30) dwar kwistjoni ma’ provditur awtorizzat mir-REWS, l-ewwel trid tkun ressaqt l-ilment tiegħek mal-provditur awtorizzat konċernat, u trid tkun eżawrejt il-proċess tat-trattament tal-ilmenti tal-provditur awtorizzat biex tirriżolvi l-problema tiegħek.
Biex tressaq ilment, tista’ tniżżel il-Formola ta’ Lment minn hawn taħt, jew inkella timla u tissottometti l-formola elettronikament. Jekk jogħġbok iċċekkja li t-taqsimiet kollha tal-formola huma mimlija sew u ttajpjati jew miktubin b’ittri kapitali. Ta’ min jinnota li l-konsiderazzjoni tal-ilment tiegħek tista’ taqa’ lura jekk ikun hemm xi taqsima li mhix mimlija b’mod sħiħ u/jew ma tkunx akkumpanjata mid-dokumentazzjoni kollha relevanti u l-korrispondenza mal-provditur awtorizzat li fir-rigward tiegħu tkun qed tressaq l-ilment.
Formola ta’ Lment
- Notice of Dispute Application e-Form
- Notice of Dispute Application Form (English PDF Version) REWS/209/v2-04-03/20
- Formola ta’ Notifika ta’ Kwistjoni (Verżjoni PDF bil-Malti) REWS/209/v2-04-06/20
Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport;
- Firma tal-applikant bl-idejn meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
- F’każ ta’ lmenti relatati ma’ servizzi tal-elettriku jew tal-ilma, jekk il-persuna li qed tilmenta mhijiex id-detentur tal-kont reġistrat ma’ ARMS Limited, ikun irid jiġi ppreżentat dokument iffirmat mid-detentur tal-kont, fejn jikkonferma li l-persuna li qed tilmenta għandha l-permess li taġixxi għan-nom tiegħu fir-rigward ta’ dak l-ilment.
- F’każ ta’ kumpanija jew organizzazzjoni legali, iridu jiġu sottomessi d-dettalji tar-Rappreżentant Legali.
- Formola tal-applikazzjoni ffirmata.
- Flimkien mal-ilment għandhom jiġu sottomessi d-dokumenti kollha li jissapportjaw l-ilment, eż. kontijiet, kopji tal-korrispondenza, ritratti tal-installazzjoni, u kull informazzjoni u dokumentazzjoni oħra li l-persuna li qed tilmenta tqis bħala relevanti li tiġi kkonsidrata fl-evalwazzjoni tal-ilment.
- F’każ ta’ lment kontra detentur ta’ Awtorizzazzjoni A jew Awtorizzazzjoni B (electrician) fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ installazzjoni elettrika, għandhom jiġu sottomessi dawn id-dokumenti (jekk ikunu disponibbli):
- Ftehim li sar qabel inbeda x-xogħol inkluż kull disinn tal-installazzjoni elettrika u stimi maħruġa mill-provditur awtorizzat għax-xogħlijiet ta’ installazzjoni;
- Ritratti tal-allegata negliġenza professjonali fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ installazzjoni elettrika;
- Kwalunkwe ċertifikati ta’ testijiet / skematika / tpinġijiet ipprovduti mill-provditur awtorizzat;
- Kwalunkwe ċertifikazzjoni indipendenti minn parti terza u/jew rapporti dwar ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni;
- Dettalji dwar l-użu intiż tal-installazzjoni li ngħataw lid-detentur ta’ Awtorizzazzjoni A jew Awtorizzazzjoni B (electrician).
F’każ ta’ lment kontra detentur ta’ Awtorizzazzjoni A jew Awtorizzazzjoni B (electrician) fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ installazzjoni elettrika, jista’ jkun hemm bżonn li ssir spezzjoni tal-installazzjoni elettrika mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. F’dak il-każ, l-ispejjeż ta’ dik l-ispezzjoni tinġarr mir-Regolatur jekk l-allegata negliġenza professjonali tkun konfermata. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-ispejjeż kollha tal-ispezzjoni jridu jitħallsu lura lir-Regolatur mill-persuna li tkun ressqet l-ilment.
Mhux applikabbli
Ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30) jistabbilixxu li r-Regolatur għandu jikkonkludi l-proċedimenti tad-determinazzjoni ta’ kwistjoni taħt dawn ir-regolamenti bla dewmien fi żmien disgħin jum tal-kalendarju, li jibdew jgħoddu mid-data li fiha r-Regolatur jirċievi l-fajl komplut tal-ilment inkluż id-dokumentazzjoni relevanti kollha li għandha x’taqsam ma’ dak l-ilment, u jintemmu fid-data li fiha jkun disponibbli l-eżitu tal-proċediment tad-determinazzjoni tal-kwistjoni.
F’ċerti każijiet eċċezzjonali ta’ natura kumplessa ħafna, inkluż fejn waħda mill-partijiet ma tkunx tista’, għal raġunijiet ġustifikati, tieħu sehem fil-proċedimenti tad-determinazzjoni tal-kwistjoni, ir-Regolatur jista’ jestendi l-perjodu ta’ żmien għall-finijiet tat-twettiq ta’ eżami tal-każ konċernat.
Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dettalji għall-kuntatt:
Tista’ tissottometti l-Formola ta’ Notifika ta’ Kwistjoni, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata kollha msemmija fil-formola, permezz ta’ email fuq enquiry@rews.org.mt jew inkella tibgħatha bil-posta indirizzata lil:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta