Notifika jew Awtorizzazzjoni għall-Operazzjoni ta’ Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jaċċetta notifiki mingħand persuni u joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni biex joperaw faċilitajiet sekondarji tal-ħżin tal-petroleum skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22.
Faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum tfisser faċilità tal-ħżin:
- li tkun għall-użu esklussiv tal-persuna awtorizzata;
- li mhix faċilità primarja tal-ħżin għall-finijiet tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art; u
- li teċċedi l-limitu minimu ta’ 300 litru:
Iżda meta faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum tkun tikkonsisti f’tank wieħed jew aktar, din tista’ titqies mir-Regolatur li tikkonsisti f’faċilità sekondarja waħda tal-ħżin tal-petroleum.
Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:
- topera faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum;
- iġġedded awtorizzazzjoni eżistenti biex topera faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum;
- tittrasferixxi lil parti terza awtorizzazzjoni eżistenti biex topera faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum;
għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha konferma ta’ riċevuta ta’ notifika valida jew awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma topera dik il-faċilità jew sistema ta’ ħżin, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.
Applikazzjonijiet għal Awtorizzazzjonijiet
“Faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum” tinħtieġ awtorizzazzjoni.
Applikazzjonijiet għal Notifiki
Minflok applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, tista’ tiġi sottomessa notifika f’każ li l-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum tkun intenzjonata biex tintuża għall-ħżin ta’:
- Karburanti ta’ kategorija 2 li jeċċedu 300 litru, iżda mhux iktar minn 3,000 litru;
- Karburanti ta’ kategorija 3 li jeċċedu 300 litru, iżda mhux iktar minn 3,000 litru.
Nota: Il-kategorija tal-karburanti hi definita bħala l-klassifikazzjoni mogħtija lill-karburanti skont il-punt ta’ fjammabbiltà tagħhom, kif ġej:
- Kategorija 1 tfisser karburanti li l-punt ta’ fjammabbiltà tagħhom hu taħt il-21 °C;
- Kategorija 2 tfisser karburanti li l-punt ta’ fjammabbiltà tagħhom hu ’l fuq minn 21 °C iżda taħt il- 55 °C;
- Kategorija 3 tfisser karburanti li l-punt ta’ fjammabbiltà tagħhom hu ’l fuq minn 55 °C.
Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għal Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.
Applikazzjoni għal Notifika jew għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni għall-Operazzjoni ta’ Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum:
Formola għal Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum (Verżjoni bl-Ingliż) REWS 091 v10-04-12/23
Formola għal Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum (eForm)3
Secondary Storage Facility Form (eForm)
Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22
Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fis-settur tal-karburanti sabiex jgħinhom jimlew il-formola(i) tal-applikazzjoni.
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
- Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.
Għall-applikazzjonijiet kollha:
1. Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
2. F’każ ta’ entità legali, kopji tal-karta/i tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
F’każ ta’ Notifika ta’ faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum:
Hekk kif titlesta l-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum jridu jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin:
1. Rapport tal-Kummissjonar ikkompilat mill-Persuna Kompetenti;
2. Dikjarazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjonar ta’ Faċilità Sekondarja tal-Ħżin dwar l-installazzjoni tal-fuel, ikkompilata mill-Persuna Kompetenti;
3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżata mill-ħżin tal-fuel u l-operat assoċjat mal-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum;
4. Kopja tal-permess għall-iżvilupp approvat maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tal-installazzjoni tal-fuel;
F’każ ta’ applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni biex tiġi operata faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum:
Fl-istadju tad-disinn tal-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum proposta jridu jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin:
1. Proposta Teknika kkompilata mill-Persuna Kompetenti, li tindika d-dettalji tad-disinn propost għall-installazzjoni tal-fuel;
Hekk kif titlesta l-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum proposta jridu jiġu sottomessi dawn id-dokumenti addizzjonali:
1. Rapport tal-Kummissjonar tal-installazzjoni tal-fuel, ikkompilat mill-Persuna Kompetenti;
2. Dikjarazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjonar ta’ Faċilità Sekondarja tal-Ħżin dwar l-installazzjoni tal-fuel, ikkompilata mill-Persuna Kompetenti;
3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżata mill-ħżin tal-fuel u l-operat assoċjat mal-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum;
4. Kopja tal-permess approvat għall-iżvilupp maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tal-installazzjoni tal-fuel;
F’każ ta’ applikazzjoni għal Tiġdid jew Trasferiment ta’ awtorizzazzjoni ta’ faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum:
1. Rapport ta’ Spezzjoni li jinkludi rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju u s-sigurtà tal-installazzjoni tal-fuel ikkompilat mill-Persuna Kompetenti;
2. Formola bid-Dettalji tal-Operat tal-Faċilità Sekondarja tal-Ħżin tal-Petroleum, ikkompilata mill-Persuna Kompetenti;
3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżata mill-ħżin tal-fuel u l-operat assoċjat mal-faċilità sekondarja tal-ħżin tal-petroleum.
It-tariffi applikabbli huma kif ġej:
- Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’ €50 (ħamsin ewro);
- Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €50 (ħamsin ewro) .
Ir-regolament 33 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn disgħa u sittin elf ewro (€69,000), jew ta’ elf u tliet mitt ewro (€1,300) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.
Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:
- kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
- ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
- mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
- f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal faċilità sekondarja ġdida tal-ħżin, ir-regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn sitt xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 10 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur, bil-mod kif ir-Regolatur jista’ jitlob, sitt xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.
Ir-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 14 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22.
Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta