MLT
REWS

Liċenzja għall-Provvista tal-Ilma bil-Bawżer

Last updated Oct 8, 2025

Liċenzja għall-Provvista tal-Ilma

  • lil klijent permezz ta’ bawżer(s)
  • esklussivament għall-użu personali permezz ta’ bawżer(s)

1.1: Applikazzjoni għal Liċenzja għall-Provvista tal-Ilma bil-Bawżer

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ il-liċenzji għall-provvista tal-ilma skont ir-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u Servizzi ta’ Drenaġġ (Avviż Legali 525 tal-2004).

“Provvista ta’ ilma” tfisser u tinkludi t-twettiq tal-attivitajiet kollha, jew xi wħud minnhom, f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament, trasferiment, distribuzzjoni, provvista u, jew bejgħ bl-imnut ta’ ilma, ħlief għall-ilma tal-flixkun, kemm jekk dawk l-attivitajiet ikunu qed isiru għal xi dritt, tariffa, jew xi xorta oħra ta’ kumpens ikun kif ikun deskritt, kif ukoll jekk ma jkunux, iżda ma tinkludix astrazzjoni tal-ilma.

Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:

  1. tipprovdi ilma lil klijent permezz ta’ bawżer;
  2. provvista ta’ ilma għall-użu personali permezz ta’ bawżer;

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha liċenzja maħruġa mir-Regolatur skont dawn ir-regolamenti qabel ma tipprovdi u toffri dak is-servizz, u topera dik is-sistema, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.

Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għan-Noti Gwida li ġew imħejjija biex jgħinu lill-applikanti jimlew il-formola ta’ applikazzjoni għal liċenzja għall-provvista tal-ilma bil-bawżer.

Formola tal-Applikazzjoni għal Liċenzja għall-Provvista tal-Ilma:

  1. lil klijent permezz ta’ bawżer(s);
  2. esklussivament għall-użu personali permezz ta’ bawżer(s).

Applikazzjoni Elettronika Provvista ta’ Ilma bil-Bawżer.

Applikazzjoni Provvista ta’ Ilma bil-Bawżer (Verżjoni bil-Malti) REWS/054/m/v11-05-02/20

1.2: Applikazzjoni biex Iżżid/Tneħħi Vettura mill-Flotta ta’ Persuna Liċenzjata Bħala Fornitur tal-Ilma bil-Bawżer(s)

Kull fornitur awtorizzat hu obbligat ukoll li jissottometti applikazzjoni lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma f’każ li jkun jixtieq iżid jew ineħħi vettura mill-flotta tal-fornitur bil-liċenzja għall-provvista tal-ilma bil-bawżer(s).

Application Form for adding/removing a  vehicle to the fleet of a licenced supplier of water by water tanker(s) REWS/054/e/v13-03-05/22

2: Referenzi Legali

Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u Servizzi ta’ Drenaġġ (Avviż Legali 525 tal-2004)

Noti Gwida Noti Gwida għall-Applikanti biex jimlew l-applikazzjoni għal liċenzja għall-provvista tal-ilma permezz ta’ bawżer(s)

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  • Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport;
  • Firma tal-applikant bl-idejn mitluba fuq il-formola tal-applikazzjoni;
  • Dikjarazzjoni/jiet iffirmata(i) mill-utenti/sidien tas-sors/i ta’ ilma ta’ taħt l-art;
  • Dikjarazzjoni/jiet iffirmata(i) mill-utenti/sidien ta’ ġwiebi/bjar/ġibjuni fejn jinġabar l-ilma tax-xita/ilma reklamat minn trattament avvanzat/sorsi oħra;
  • F’każ ta’ kumpanija jew organizzazzjoni legali għandhom jiġu sottomessi d-dettalji tar-Rappreżentant Legali.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  1. Formola tal-applikazzjoni ffirmata;
  2. Dettalji Tekniċi tal-Bawżer;
  3. Dettalji tas-sorsi ta’ ilma ta’ taħt l-art;
  4. Dettalji tal-ġwiebi/bjar/ġibjuni fejn jinġabar l-ilma tax-xita/ilma reklamat minn trattament avvanzat/sorsi oħra;
  5. Kopja(i) tal-karta tal-identità jew passaport tal-applikant jew tar-Rappreżentant/i Legali f’każ ta’ kumpanija / Organizzazzjoni Legali.
  6. Kopja(i) tal-logbook(s) tal-vetturi/karrijiet elenkati fil-formola tal-applikazzjoni
  7. Kopja(i) tal-iskeda ta’ assigurazzjoni u l-polza rispettiva li tkopri l-vetturi/karrijiet elenkati fil-formola tal-applikazzjoni;
  8. Kopja(i) tal-liċenzja(i) tas-sewqan tax-xufiera kollha tal-bawżer(s);
  9. F’każ ta’ provvista ta’ ilma għal klijent bil-bawżer(s), ċertifikat tal-kondotta riċenti (<3 xhur) tal-applikant, maħruġ mill-pulizija. F’każ ta’ kumpanija/organizzazzjoni legali jkun meħtieġ iċ-ċertifikat tal-kondotta tar-Rappreżentant/i Legali.
  10. Kopja(i) tal-pjanta(i) tas-sit: estratt A4 mill-aktar Survey Sheets riċenti, fuq skala 1:2500, li jindika:
    1. is-sit ta’ kull sors ta’ ilma ta’ taħt l-art imsemmi f’taqsima 4.2 tal-applikazzjoni;
    2. is-sit ta’ kull ġiebja, bir u ġibjun fejn jinġabar l-ilma tax-xita msemmi f’taqsima 4.3 tal-applikazzjoni;
    3. il-post(ijiet) minn fejn jiġi miġbur l-ilma tax-xita għal kull ġiebja, bir u ġibjun imsemmi f’taqsima 4.3 tal-applikazzjoni;
    4. il-koordinati ta’ kull sors ta’ ilma ta’ taħt l-art u kull ġiebja, bir u ġibjun fejn jinġabar l-ilma tax-xita, it-tramuntana u d-distanzi mill-eqreb kantuniera ta’ bini eżistenti għal kull sors indikat fuq il-pjanti;
    5. il-pożizzjonijiet minn fejn ġew meħuda r-ritratti fuq il-pjanta tas-sit. Dawn il-pjanti għandhom ikunu ffirmati, datati, iċċertifikati u attestati minn perit.
    6. Għal kull sors ta’ ilma, minn tal-inqas żewġ (2) ritratti bil-kulur: wieħed li juri s-sit tas-sors (sors ta’ taħt l-art jew ġiebja/bir/ġibjun fejn jinġabar l-ilma tax-xita) u l-ieħor li juri l-post minn fejn jittieħed l-ilma biex jimtlew il-bawżers. Il-pożizzjonijiet minn fejn ittieħdu r-ritratti għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar fuq il-pjanti tas-sit kollha. Dawn ir-ritratti għandhom ikunu ffirmati, datati, iċċertifikati u attestati minn perit.

F’każ ta’ applikazzjoni biex iżżid/tneħħi vettura mill-flotta ta’ persuna liċenzjata bħala fornitur tal-ilma bil-bawżer(s):

  1. Dettalji tekniċi tal-bawżer;
  2. Kopja tal-logbook(s) tal-vettura/karrijiet elenkati fil-formola tal-applikazzjoni;
  3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u l-polza rispettiva li tkopri l-vettura/karrijiet elenkati fil-formola tal-applikazzjoni;
  4. F’każ ta’ provvista ta’ ilma għal klijent bil-bawżer(s), ċertifikat tal-kondotta riċenti (<3 xhur) tal-applikant, maħruġ mill-pulizija. F’każ ta’ kumpanija/organizzazzjoni legali jkun meħtieġ iċ-ċertifikat tal-kondotta tar-Rappreżentant/i Legali.

5: Tariffi Applikabbli

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

  1. Tariffa tal-applikazzjoni (li ma tingħatax lura) għal liċenzja għall-provvista tal-ilma bil-bawżer ta’ €58.23.
  2. Ma titħallas l-ebda tariffa mal-applikazzjoni biex iżżid/tneħħi vettura mill-flotta ta’ persuna liċenzjata bħala fornitur tal-ilma bil-bawżer(s).
  3. It-tariffi u l-ħlasijiet dovuti kull sena huma kif ġej:
    1. Tariffa tal-liċenzja dovuta kull sena = €200 għal kull bawżer jew karru liċenzjat għall-ġarr tal-ilma;
    2. Tariffa annwali għall-e-tracking = €425 għal kull bawżer jew karru liċenzjat għall-ġarr tal-ilma;
    3. Tariffa ta’ darba għall-installazzjoni ta’ sensor tal-livell tal-ilma fuq bawżer jew karru = €800 għal kull bawżer jew karru liċenzjat għall-ġarr tal-ilma.

6: Penali u Reati

Ir-regolament 15 tar-Regolamenti tal-2004 dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Servizzi ta’ Drenaġġ jistabbilixxi li jekk fornitur tal-ilma jew operatur li jipprovdi xi servizzi jew li jopera xi sistemi msemmija f’dawn ir-regolamenti jikser jew jonqos milli josserva xi wieħed minn dawn ir-regolamenti jkun ħati ta’ reat kontra l-provvedimenti ta’ dawn ir-regolamenti u, meta jinstab ħati, jeħel multa ta’ mhux iżjed minn tlieta u għoxrin elf u mitejn u tlieta u disgħin ewro u tlieta u sebgħin ċenteżmu (€23,293.73) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sitt xhur, jew tali multa u priġunerija flimkien.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:

  1. kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
  2. ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
    1. mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
    2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Iżda, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Il-liġi ma tistabbilix perjodu speċifiku għat-twettiq tal-proċedura.

Ġeneralment, applikazzjoni:

  • għal liċenzja għall-provvista tal-ilma tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol;
  • biex iżżid/tneħħi vettura mill-flotta ta’ persuna liċenzjata bħala fornitur tal-ilma bil-bawżers tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre
Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta