Awtorizzazzjoni għat-Twettiq tal-Attività ta’ Distributur tal-LPG f’Ammonti Kbar
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni għad-distribuzzjoni tal-LPG f’ammonti kbar skont ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.
“Distributur tal-LPG f’ammonti kbar” tfisser persuna li, skont awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur, tkun awtorizzata li ġġorr u, jew tqassam l-LPG f’ammonti kbar, jew li tbigħ bl-imnut l-LPG f’ammonti kbar lil faċilitajiet awtorizzati u, jew li tbigħ bl-ingrossa, iġġorr u, jew tqassam l-LPG f’ammonti kbar lil stazzjonijiet minn fejn jinbiegħ l-autogas bl-imnut.
“Vettura għad-distribuzzjoni tal-LPG f’ammonti kbar” tfisser vettura (inkluż il-kontenut tagħha) kif definita fir-Regolamenti dwar il-Ġarr Stradali ta’ Merkanzija Perikoluża bil-Vetturi bil-Mutur, deżinjata għall-iskop tat-trasport u, jew id-distribuzzjoni tal-LPG lil faċilitajiet awtorizzati, lil faċilitajiet sekondarji ta’ ħżin tal-LPG u lil stazzjonijiet minn fejn jinbiegħ l-autogas bl-imnut.
Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:
- twettaq l-attività ta’ distributur tal-LPG f’ammonti kbar;
- iġġedded awtorizzazzjoni biex twettaq l-attività ta’ distributur tal-LPG f’ammonti kbar;
- tittrasferixxi lil parti terza awtorizzazzjoni biex twettaq l-attività ta’ distributur tal-LPG f’ammonti kbar;
għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma tipprovdi u toffri dak is-servizz, u topera dik is-sistema, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.
Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għat-Twettiq tal-Attività ta’ Distributur tal-LPG f’Ammonti Kbar u għall-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Awtorizzazzjoni għat-Twettiq tal-Attività ta’ Distributur tal-LPG f’Ammonti Kbar sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.
Applikazzjoni għall-ħruġ, tiġdid jew trasferiment ta’ awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ distributur tal-LPG f’ammonti kbar
Formola Elettronika għal distributur tal-LPG f’ammonti kbar.
Formola għal distributur tal-LPG f’ammonti kbar (Verżjoni bl-Ingliż) REWS/051/v11-03-5/22
Kull provditur awtorizzat hu obbligat ukoll li jissottometti applikazzjoni lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma f’każ li jkun jixtieq iżid jew ineħħi vettura mill-flotta ta’ vetturi awtorizzati għad-distribuzzjoni tal-LPG f’ammonti kbar.
Formola ta’ Applikazzjoni:
Formola Elettronika għal distributur tal-LPG f’ammonti kbar.
Formola għal distributur tal-LPG f’ammonti kbar (Verżjoni bl-Ingliż) REWS/051/v11-03-5/22
Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20
Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fit-teknoloġija tal-LPG sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
- Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.
- Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- F’każ ta’ entità legali, kopji tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
- Kopja oriġinali taċ-ċertifikat tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija, li ma jkunx ilu li ħareġ aktar minn tliet (3) xhur. F’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali, jintalbu ċ-ċertifikati tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tad-Diretturi u r-Rappreżentanti Legali kollha.
- Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà li tkopri s-siti kollha indikati għall-parkeġġ tal-vetturi.
- Kopja tal-logbook maħruġ minn Transport Malta u l-iskeda tal-assigurazzjoni li tkopri kull vettura elenkata hawn fuq;
- Kopja taċ-ċertifikat ADR tat-Taħriġ tax-Xufiera;
- Kopja taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ADR għal vetturi li jġorru merkanzija perikoluża. (Għal vetturi bis-sena tal-manifattura > 2004).
- It-tariffi applikabbli huma kif ġej:
- Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’ €500 (ħames mitt ewro);
- Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €500 u €50 għal kull vettura tad-distribuzzjoni tal-LPG f’ammonti kbar.
Ir-regolament 28 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn sebgħin elf ewro (€70,000), jew ta’ elf u ħames mitt ewro (€1,500) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.
Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:
- kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
- ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
- mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
- f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).
Ir-regolament 7 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 7 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur, bil-mod kif ir-Regolatur jista’ jirrikjedi, sitt xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.
Ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 26 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.
Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta