MLT
REWS

Awtorizzazzjoni għall-Operazzjoni ta’ Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG

Last updated Oct 8, 2025

Awtorizzazzjoni għall-Operazzjoni ta’ Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG

1: Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni għall-Operazzjni ta’ Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni biex joperaw installazzjoni fissa ta’ pajpijiet tal-LPG skont ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.

“Installazzjoni fissa ta’ pajpijiet” tfisser faċilità awtorizzata li tintuża għall-ħżin u, jew distribuzzjoni u bejgħ bl-imnut tal-LPG permezz ta’ faċilità tal-ħżin imqabbda ma’ installazzjoni ta’ pajpijiet.

Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:

  1. topera installazzjoni fissa ta’ pajpijiet tal-LPG;
  2. iġġedded awtorizzazzjoni eżistenti biex topera installazzjoni fissa ta’ pajpijiet tal-LPG;
  3. tittrasferixxi lil parti terza awtorizzazzjoni eżistenti biex topera installazzjoni fissa ta’ pajpijiet tal-LPG;

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma tipprovdi u toffri dak is-servizz, u topera dik is-sistema, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.

Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għall-Operazzjoni ta’ Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG  sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.

Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment:

Formola Elettronika għal Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG
Formola għal Installazzjoni Fissa ta’ Pajpijiet tal-LPG (Verżjoni bl-Ingliż)  REWS/052/v11-03-06/23

2: Referenzi Legali

Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20

Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fit-teknoloġija tal-LPG sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.

Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  1. Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, kopji tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Ċertifikat riċenti (<3 xhur) tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija. F’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali, jintalbu ċ-ċertifikati tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tad-Diretturi u r-Rappreżentanti Legali kollha.

Fl-istadju tad-disinn tal-installazzjoni fissa ta’ pajpijiet tal-LPG kif proposta, iridu jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin:

  1. Proposta Teknika kkompilata mill-Persuna Kompetenti, li tindika d-dettalji tad-disinn propost għall-installazzjoni fissa ta’ pajpijiet.

Wara li jkun inħareġ permess preliminari mir-Regolatur u malli titlesta l-installazzjoni l-ġdida ta’ pajpijiet, iridu jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin:

  1. Permess approvat maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tal-installazzjoni fissa ta’ pajpijiet;
  2. Rapport tal-Kummissjonat (REWS 161/V6-15-06-23) ikkompilat minn Persuna Kompetenti għall-installazzjoni fissa ta’ pajpijiet;
  3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżati mill-ħżin tal-LPG u l-operazzjonijiet assoċjati tal-installazzjoni fissa ta’ pajpijiet.

5: Tariffi Applikabbli

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

  1. Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’:
    • € 50.00 (ħamsin ewro) għal network b’2 ħwienet miterjati;
    • €100.00 (mitt ewro) għal network b’bejn 3 u 5 ħwienet miterjati;
    • €200.00 (mitejn ewro) għal network b’bejn 6 u 10 ħwienet miterjati;
    • €300.00 (tliet mitt ewro) għal network b’bejn 11 u 15-il ħanut miterjat;
    • €500.00 (ħames mitt ewro) għal network b’16-il ħanut miterjat, jew aktar.
  2. Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’:

€500.00 (ħames mitt ewro) għal network b’16-il ħanut miterjat, jew aktar.

€ 50.00 (ħamsin ewro) għal network b’2 ħwienet miterjati;

€100.00 (mitt ewro) għal network b’bejn 3 u 5 ħwienet miterjati;

€200.00 (mitejn ewro) għal network b’bejn 6 u 10 ħwienet miterjati;

€300.00 (tliet mitt ewro) għal network b’bejn 11 u 15-il ħanut miterjat;

6: Penali u Reati

Ir-regolament 28 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn sebgħin elf ewro (€70,000), jew ta’ elf u ħames mitt ewro (€1,500) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:

  1. kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
  2. ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
    1. mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
    2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal installazzjoni fissa ġdida, ir-regolament 7 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet (3) xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 7 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur sitt (6) xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 26 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta