MLT
REWS

Awtorizzazzjoni għall-Bejgħ bl-Imnut tal-LPG f’Ċilindri Portabbli minn Post Fiss ta’ Bejgħ

Last updated Oct 8, 2025

Awtorizzazzjoni għall-Bejgħ bl-Imnut tal-LPG f’Ċilindri Portabbli minn Post Fiss ta’ Bejgħ

1: Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni għall-Bejgħ bl-Imnut tal-LPG f’Ċilindri Portabbli minn Post Fiss ta’ Bejgħ

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni għall-bejgħ bl-imnut tal-LPG f’ċilindri portabbli minn post fiss ta’ bejgħ skont ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.

“Post fiss ta’ bejgħ” tfisser żona speċifika indikata mir-Regolatur, u regolarment approvata minn kull awtorità oħra kompetenti u b’konsultazzjoni ma’ kull awtorità relevanti, minn fejn persuna regolarment awtorizzata mir-Regolatur tkun tista’ tbigħ bl-imnut ċilindri portabbli mimlija bl-LPG.

Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:

  1. tbigħ bl-imnut l-LPG f’ċilindri portabbli minn post fiss ta’ bejgħ;
  2. iġġedded awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut tal-LPG f’ċilindri portabbli minn post fiss ta’ bejgħ;
  3. tittrasferixxi awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut tal-LPG f’ċilindri portabbli minn post fiss ta’ bejgħ;

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti biex tkun tista’ tbigħ bl-imnut u tiddistribwixxi l-LPG f’ċilindri portabbli minn post fiss ta’ bejgħ.

Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għad-Distribuzzjoni tal-LPG f’Ċilindri minn Post Fiss ta’ Bejgħ sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.

Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni:

Bejgħ bl-Imnut tal-LPG f’Ċilindri Portabbli minn Post Fiss ta’ Bejgħ – Formola Elettronika A
Bejgħ bl-Imnut tal-LPG f’Ċilindri Portabbli minn Post Fiss ta’ Bejgħ – Formola A (Verżjoni bl-Ingliż)  REWS/049/v13-04-06/23 (A) Version) REWS/049/v13-04-06/23 (A)

2: Referenzi Legali

Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20

Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fit-teknoloġija tal-LPG sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.

Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  1. Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, kopji tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Kopja taċ-ċertifikat ADR tat-Taħriġ tax-Xufiera;
  4. Kopja taċ-ċertifikat maħruġ mid-DGSA (Konsulent dwar Sigurtà minn Oġġetti Perikolużi) wara li jkun spezzjona l-vettura;
  5. Rapport tekniku maħruġ minn persuna kompetenti dwar is-sit fejn it-trakk/ijiet ikun/u pparkjat/i waqt li ma jkun(u)x qed jintuża/w (u għal ħżin addizzjonali). – Nota: Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess kull sena sakemm l-awtorizzazzjoni tkun fis-seħħ.
  6. Permess/i tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-parkeġġ tat-trakk/ijiet waqt li ma jkun(u)x qed jintuża/w għad-distribuzzjoni (u għal ħżin addizzjonali).
  7. Pjan tan-negozju li jinkludi minn tal-inqas dawn li ġejjin:
    1. Il-parteċipazzjoni azzjonarja u s-sorsi tal-finanzjament.
    2. Dettalji tal-loġistika, pereżempju fir-rigward tal-ħżin, id-distribuzzjoni u l-bejgħ, skont kif ikun il-każ.
    3. Analiżi tas-suq jew strateġija tan-negozju.

Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjoni ġdida għall-bejgħ bl-imnut ta’ ċilindri portabbli mimlija bl-LPG minn post fiss ta’ bejgħ, id-dokumenti li ġejjin iridu jiġu sottomessi fl-istadju tad-disinn:

  1. Proposta Teknika kkompilata mill-Persuna Kompetenti li tindika d-dettalji tad-disinn propost għas-sit tal-Post Fiss ta’ Bejgħ indikat. (Din għandha tinkludi disinni tas-sit fi skala 1:100 u pjanta tas-sit fi skala 1:2500).

Addizzjonalment, f’każ ta’ applikazzjoni ġdida għall-bejgħ bl-imnut ta’ ċilindri portabbli mimlija bl-LPG minn post fiss ta’ bejgħ, u wara li jkun inħareġ permess preliminari mir-Regolatur, id-dokumenti li ġejjin iridu jiġu sottomessi malli jitlesta l-post fiss ta’ bejgħ:

  1. Approvazzjoni ta’ Permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tal-sit/i indikat/i għall-Post Fissi ta’ Bejgħ.
  2. Rapport tal-Kummissjonar tas-sit/i tal-Post Fiss ta’ Bejgħ, ikkompilat mill-Persuna Kompetenti.
  3. Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżati mill-ħżin tal-LPG u l-operazzjonijiet relatati li jiġu mwettqa fis-sit/i tal-Post Fiss ta’ Bejgħ.

5: Tariffi Applikabbli

Għal applikanti ġodda, dawn huma t-tariffi applikabbli:

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

  1. Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’ €500 (ħames mitt ewro);
  2. Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €50.

Barra minn hekk, garanzija bankarja għall-valur ta’ €10,000 (għaxart elef ewro) trid tiġi sottomessa u miżmuma tul il-perjodu li l-Awtorizzazzjoni tkun fis-seħħ.00 (ten thousand Euros) has to be submitted and retained for the duration of the Authorisation.

6: Penali u Reati

Ir-regolament 28 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn sebgħin elf ewro (€70,000), jew ta’ elf u ħames mitt ewro (€1,500) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:

  1. kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
  2. ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
    1. mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
    2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

F’każ ta’ applikazzjoni għal post fiss ta’ bejgħ, ir-regolament 7 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet (3) xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-Regolamenti jistabbilixxu li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur sitt (6) xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 26 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta