MLT
REWS

Awtorizzazzjoni għad-Distribuzzjoni tal-Karburanti

Last updated Oct 8, 2025

Awtorizzazzjoni għad-Distribuzzjoni tal-Karburanti

1.1: Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni għad-Distribuzzjoni tal-Karburanti (Fuq l-art)

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni biex iwettqu l-attività ta’ distribuzzjoni tal-karburanti skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22.

“Distributur tal-karburanti” tfisser id-detentur ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti, li tkun tippermetti lil dik il-persuna li tqassam il-petroleum lil faċilitajiet regolarment awtorizzati. L-awtorizzazzjoni tkopri l-flotta kollha ta’ vetturi tad-distribuzzjoni li jintużaw għat-tqassim tal-karburanti.

Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:

  1. tiddistribwixxi l-karburanti;
  2. iġġedded awtorizzazzjoni eżistenti ta’ distributur tal-karburanti;
  3. tittrasferixxi awtorizzazzjoni eżistenti ta’ distributur tal-karburanti;

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma tipprovdi u toffri dak is-servizz, u topera dik is-sistema, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.

Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għat-Twettiq tal-Attività ta’ Distributur tal-Karburanti sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.

Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni għad-Distribuzzjoni tal-Karburanti:

Formola ta’ Applikazzjoni Distributur tal-Karburanti (Verżjoni bl-Ingliż)  REWS/104/v8/04-6/22

1.2: Applikazzjoni biex Iżżid/Tneħħi Vettura mill-Flotta ta’ Distributur Liċenzjat tal-Karburanti

Kull provditur awtorizzat hu obbligat ukoll li jissottometti applikazzjoni lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma f’każ li jkun jixtieq iżid jew ineħħi vettura mill-flotta ta’ distributur awtorizzat tal-karburanti.

Formola ta’ applikazzjoni biex iżżid/tneħħi vettura mill-flotta ta’ distributur awtorizzat tal-karburanti REWS/104/v8-04-6/22

2: Referenzi Legali

Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22

Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fis-settur tal-karburanti sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.

Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  • Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  • F’każ ta’ entità legali, kopji tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  • Ċertifikat riċenti (<3 xhur) tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija. F’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali, jintalbu ċ-ċertifikati tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tad-Diretturi u r-Rappreżentanti Legali kollha.
  • Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn terzi persuni fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà li tkopri s-siti kollha indikati għall-parkeġġ tal-vetturi.
  • Kopja tal-logbook maħruġ minn Transport Malta u l-iskeda tal-assigurazzjoni li tkopri kull vettura elenkata hawn fuq.

5: Tariffi Applikabbli

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

  1. Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’ €500 (ħames mitt ewro);
  2. Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €500 (ħames mitt ewro)  u €50 (ħamsin ewro) għal kull vettura tad-distribuzzjoni tal-karburanti.

6: Penali u Reati

Ir-regolament 33 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn disgħa u sittin elf ewro (€69,000), jew ta’ elf u tliet mitt ewro (€1,300) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:

  1. kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
  2. ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
    1. mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
    2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

F’każ ta’ applikazzjoni għal distributur ġdid tal-karburanti, ir-regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn sitt xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 10 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur, bil-mod kif ir-Regolatur jista’ jitlob, sitt xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ir-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 14 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta