Approvazzjoni biex Tipprattika bħala Persuna Kompetenti fir-rigward ta’:
- Ħżin Primarju tal-LPG
- Is-Suq tal-LPG
- Installazzjoni tal-LPG
- Is-Suq tal-Karburanti
- Autogas
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma japprova l-kompetenzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-Petroleum, LPG u Autogas. Awtorizzazzjonijiet u ċertifikati jinħarġu skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17, ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20, ir-Regolamenti dwar iċ-Ċertifikazzjoni u l-Istallazzjoni tal-Autogas – L.S.545.26 u r-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22.
“Persuna kompetenti fis-swieq tal-karburanti u l-LPG” tfisser persuna approvata mir-Regolatur u li:
- tipprattika l-professjoni ta’ inġinier taħt l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija; u
- tkun imħarrġa tajjeb u jkollha biżżejjed għarfien, esperjenza u kapaċità hekk kif approvati mir-Regolatur biex:
- twettaq spezzjonijiet ta’ assessjar ta’ faċilitajiet awtorizzati;
- tissorvelja alterazzjonijiet materjali f’faċilitajiet awtorizzati;
- tiċċertifika bil-miktub li l-faċilitajiet awtorizzati huma miżmuma u mħaddma kif stabbilit skont il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u, jew linji gwida u, jew Kodiċi ta’ Prattika approvati mir-Regolatur;
- tiċċertifika bil-miktub id-disinn, kostruzzjoni, ittestjar u kummissjonar tat-tagħmir u, jew tas-siti intiżi li jkunu nominati bħala faċilitajiet awtorizzati mir-Regolatur;
- twettaq xogħol ieħor ta’ natura teknika li hu komplimentari jew anċillari għal dak imsemmi hawn fuq.
“Installatur kompetenti tal-LPG” tfisser persuna approvata mir-Regolatur u li tkun imħarrġa tajjeb, u jkollha biżżejjed għarfien, esperjenza u kapaċità hekk kif approvati mir-Regolatur biex:
- tibni tagħmir u, jew siti intiżi biex jiġu nominati mir-Regolatur bħala faċilitajiet awtorizzati; u
- twettaq alterazzjonijiet materjali f’faċilitajiet awtorizzati; u
- twettaq xogħol ieħor ta’ natura teknika li hu komplimentari jew anċillari għal dak imsemmi hawn fuq.
“Persuna kompetenti fl-Autogas” tfisser persuna approvata mir-Regolatur li għandha kwalifiki addattati ta’ livell 4 (jew ogħla) f’suġġett relatat tal-inġinerija skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF); kif ukoll taħriġ addattat u għarfien, esperjenza u ħila fit-teknoloġija tal-gass, suffiċjenti biex twettaq: xogħol, superviżjoni u ċertifikazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-autogas inkluż modifika retroattiva.
Kull persuna li tixtieq tiġi approvata bħala persuna kompetenti, kif definita fil-leġiżlazzjoni rispettiva, fl-oqsma ta’:
- Ħżin Primarju tal-LPG
- Is-Suq tal-LPG
- Installazzjoni tal-LPG
- Is-Suq tal-Karburanti
- Autogas
għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt ir-regolamenti applikabbli qabel ma twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.
Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għall-:
- Mudell ta’ Awtorizzazzjoni biex tipprattika bħala Persuna Kompetenti fil-Ħżin Primarju tal-LPG
- Mudell ta’ Awtorizzazzjoni biex tipprattika bħala Persuna Kompetenti fis-Suq tal-LPG
- Mudell ta’ Awtorizzazzjoni biex tipprattika bħala Persuna Kompetenti fl-Autogas (Installazzjoni u Ċertifikazzjoni)
sabiex jiksbu idea ċara tat-tip ta’ kompetenzi li jiġu approvati mir-REWS. Ta’ min jinnota li f’każ ta’ approvazzjoni mir-Regolatur biex inġinier jopera bħala persuna kompetenti fis-Suq tal-Bejgħ tal-Karburanti bl-Imnut, jinħareġ ċertifikat u mhux awtorizzazzjoni mir-REWS.
Formola tal-Applikazzjoni għal Approvazzjoni ta’ Persuna Kompetenti Approvata mir-REWS
Formola tal-Applikazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż) REWS/105/v6-03-05/22
Formola Elettronika tal-Applikazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż)
Applikazzjoni għal Persuni Kompetenti – Petroleum, LPG, Autogas:
- Ħżin Primarju tal-LPG Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17;
- Is-Suq tal-LPG Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20;
- Installazzjoni tal-LPG Regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroleum Likwefatt – L.S. 545.20;
- Is-Suq tal-Karburanti Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art – L.S. 545.22;
- Autogas Regolamenti dwar iċ-Ċertifikazzjoni u l-Istallazzjoni tal-Autogas – L.S.545.26.
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- Firma tal-applikant bl-idejn meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni.
Għall-kompetenzi kollha:
- Kopja tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tal-applikant jew tar-Rappreżentant(i) Legali f’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali;
- Ċertifikat riċenti (<3 xhur) tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija. F’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali, jintalbu ċ-ċertifikati tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tad-Diretturi u r-Rappreżentanti Legali kollha.
- Kopja taċ-ċertifikat/i li juru l-kwalifika(i) tal-applikant / attendenza ta’ kors(ijiet) kif indikat;
- Ċertifikati/ittri ta’ rakkomandazzjoni u, jew kopja taċ-ċertifikazzjoni li jikkonfermaw l-esperjenza prattika tal-applikant kif indikat;
- Id-dokumenti (jekk applikabbli) imsemmija f’nota 1 fil-qiegħ ta’ paġna 1 tal-applikazzjoni;
- Kopja tal-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru rispettiv għat-twettiq ta’ xogħol privat wara l-ħinijiet tal-uffiċċju. (Applikabbli biss fil-każ ta’ Uffiċjali Pubbliċi li huma impjegati taċ-ċivil mal-Gvern ta’ Malta).
Għall-kompetenzi kollha, ħlief dik tal-Autogas:
- Kopja tal-iskeda tal-Assigurazzjoni ta’ Indennizz u l-polza rispettiva li tkopri lill-applikant li qed japplika għal kompetenza taħt il-leġiżlazzjoni sussidjarja 545.17, 20 u 22.
Għall-kompetenza fl-Autogas:
- Fil-każ ta’ persuni li qed japplikaw għal kompetenza taħt il-leġiżlazzjoni sussidjarja 545.26, tinħtieġ polza tal-assigurazzjoni li tkopri danni lil partijiet terzi kkawżati minn inċidenti relatati mas-sistema ta’ modifika retroattiva tal-LPG.
It-tariffa applikabbli għall-approvazzjoni bħala persuna kompetenti hi ta’ €35 (ħamsa u tletin ewro).
L-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:
- kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
- ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
- mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
- f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).
- Il-liġi ma tistabbilix perjodu speċifiku għat-twettiq ta’ din il-proċedura.
- Ġeneralment, applikazzjoni għall-approvazzjoni bħala persuna kompetenti tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien 30 jum tax-xogħol.
Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew approvazzjoni, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta