L-iskema tal-ilma tal-vit (TW) hija amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, biex jitnaqqas l-użu ta’ kontenituri tal-plastik użati għall-ibbottiljar tal-ilma, permezz ta’ filtru/i tal-karbonju attivat. Din l-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali, u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi) għal użu fil-propjetà residenzjali tagħhom, u għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika.
Din l-iskema tnehdiet permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 468 tas-sena 2025.
Din l-iskema ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026 permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 2033 tas-sena 2025.
Applikanti prospettivi huma mistiedna jikkonsultaw il-Linji Gwida għall-Applikanti, li tħejjew sabiex jgħinu lill-applikanti biex jimlew il-formola tal-applikazzjoni għall-għotja.
L-applikanti għandhom jimlew l-applikazzjoni bid-dettalji personali tagħhom. L-applikazzjoni għandha timtela u tiġi sottomessa lir-REWS wara x-xiri u l-installazzjoni tal-apparat.
Ammont tal-għotja:
60% fuq il-prezz tax-xiri u installazzjoni ta’ tagħmir tas-Sistema ta’ Filtrazzjoni tal-Ilma (filtri tal-karbonju attivat) soġġett għal għotja massima ta’ €100.
Hekk kif l-apparat jiġi installat, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa.
L-applikazzjoni għandha timtela fi żmien sitt (6) xhur mix-xiri tal- Apparat għall-ilma tal-Vit (TW).
Għafas hawn għall-Applikazzjoni Online għas-Skema tal-Ilma mill-Vit.
Wara t-tnedija tal-Iskema tal-Ilma tax-Xorb f’Marzu 2025 u l-armonizzazzjoni tal-kwalità tal-ilma mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC), il-Gvern għandu l-intenzjoni li jkompli jappoġġja lill-familji vulnerabbli sabiex jissaħħu l-isforzi biex jiżdied l-użu tal-ilma tax-xorb fid-djar. Dan ser isir billi tingħata aktar faċilità ta’ aċċess għal sistemi ta’ filtrazzjoni tal-ilma. L-iskema hija mfassla biex tkopri b’mod sħiħ l-ispejjeż ta’ tagħmir approvat ta’ filtrazzjoni b’karbonju attivat, u b’hekk telimina l-piż finanzjarju għal dawk li jixtiequ jadottaw dawn is-sistemi.
Mill-1 ta’ Lulju 2025, familji vulnerabbli eliġibbli bdew jirċievu vouchers personalizzati li jagħtuhom id-dritt li jiksbu filtru tal-ilma b’karbonju attivat, mingħajr ħlas, minn kwalunkwe bejjiegħ irreġistrat, sa massimu ta’ €100.
Il-vouchers ħa jibqgħu validi sat-30 ta’ Ġunju 2026. Il-lista sħiħa tal-bejjiegħa reġistrati fejn jistgħu jintużaw il-vouchers tinsab fuq is-sit elettroniku www.waw.org.mt.
- Avviż tal-Gvern numru 468 tas-sena 2025
- Avviż tal-Gvern numru 2033 tas-sena 2025
- Linji Gwida għall-Applikanti
- Dettalji tal-Karta tal-Identità jew Dokument ta’ Residenza;
- Firma tal-applikant bl-idejn jew diġitali, meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
- Kont tad-Dawl komplut fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett maħruġ fl-aħħar 12-xahar. L-Iskema tal-Konsumatur għandha tkun jew ‘Residenzjali’ jew ‘Domestiku’.
- Kopja tal-Karta tal-Identità jew id-Dokument ta’ Residenza tal-applikant;
- Kopja tal-kont tad-Dawl maħruġ mill-ARMS Ltd. fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett f’isem l-applikant;
- Irċevuta fiskali oriġinali datata maħruġa f’isem l-applikant, li tipprovdi dettalji tal-oġġett/i mixtrija;
- Formola tal-applikazzjoni ffirmata (b’mod manwali jew diġitali).
Mhux applikabbli.
Mhux applikabbli.
Il-liġi ma tistabbilixix perjodu speċifiku sabiex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet. Ġeneralment, applikazzjoni tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien ħames (5) ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-formola tal-applikazzjoni kompluta.
L-applikanti għandhom perjodu ta’ sitt (6) xhur mid-data tax-xiri tal-apparat biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha relatata meħtieġa.
Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem il-Kumitat ta’ Reviżjoni jew għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ rimedju stabbilit mil-Liġi.
Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa bil-posta u/jew bl-idejn indirizzata:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1,
Triq l-Imdina,
Ħal Qormi, QRM 9010
Malta.