MLT
REWS

Ilma

Last updated Oct 8, 2025

Konnessjoni mal-Provvista tal-Ilma tax-Xorb

1. Id-Drittijiet tal-Konsumaturi għal Provvista ta’ Ilma tax-Xorb

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jirregola l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) bħala l-unika entità f’Malta li hi liċenzjata biex tforni l-ilma permezz tan-netwerk pubbliku tad-distribuzzjoni tal-ilma u biex tipprovdi servizzi ta’ drenaġġ permezz tas-sistema pubblika ta’ ġbir tad-drenaġġ. Il-liċenzja hi maħruġa taħt ir-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Servizzi tad-Drenaġġ.

Skont it-termini tal-liċenzja, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ppubblikat Kuntratt mal-Konsumatur, li ġie approvat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-klijenti tagħha.

Kull persuna li tixtieq tqabbad il-proprjetà tagħha man-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb u tiġi pprovduta bl-ilma tax-xorb trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd, kumpanija sussidjarja tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) u l-Enemalta plc, li twaqqfet biex tamministra u topera s-sistemi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, assistenza għall-klijenti, u l-funzjonijiet ta’ kuntatt mal-pubbliku.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI u mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

2. Tariffi tal-Applikazzjoni għal Konnessjoni ta’ Servizz tal-Ilma ġdid

The fees for the provision and installation of a water service connection are regulated by the Water SIt-tariffi għall-provvista u l-installazzjoni ta’ konnessjoni ta’ servizz tal-ilma ġdid huma regolati mir-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma, kif ġej:

  • €345 (tliet mija u ħamsa u erbgħin ewro) għal konnessjoni ta’ servizz waħda, installata għal provvista residenzjali; 
  • €760 (seba’ mija u sittin ewro) għal kull provvista oħra. 

Barra minn hekk, fejn:

  1. is-servizz huwa itwal minn 7 metri, tkun dovuta tariffa addizzjonali ta’ €23.29 għal kull metru, jew parti minnu, li s-servizz ikun itwal minn 7 metri. Għall-finijiet ta’ kejl, meta l-kanna prinċipali tkun fit-triq quddiem il-post, tkun meqjusa li tinsab fin-nofs tat-triq.
     
  2. xogħlijiet li se jsiru mill-Korporazzjoni, kemm jekk għall-installazzjoni ta’ konnessjoni ta’ servizz tal-ilma kif ukoll fuq talba minn xi persuna, ikunu jeħtieġu devjazzjoni tal-kanna prinċipali, il-persuna li tkun qed titlob dak ix-xogħol trid tagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawk ix-xogħlijiet.

Djar, appartamenti, flettijiet, fabbriki, lukandi, stabbilimenti kummerċjali, uffiċini u kwalunkwe binjiet oħra li huma internament interkonnessi fiżikament, tingħatalhom konnessjoni waħda biss għas-servizz tal-ilma sakemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma tawtorizzax mod ieħor.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

3. Meta ġġorr għal Post ġdid: Xiri u Kiri ta’ Proprjetà

F’każ fejn:

  1. persuna tibda tokkupa residenza diġà moqdija b’konnessjoni tas-servizz tal-ilma mas-sistema pubblika ta’ provvista tal-ilma, trid tiġi sottomessa applikazzjoni lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tramite l-ARMS Ltd biex tiġi reġistrata l-bidla fil-konsumatur;
     
  2. post ikun mikri għal aktar minn tliet xhur lil kwalunkwe persuna oħra li mhijiex residenta permanenti f’Malta, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha f’idejha l-kontroll ta’ dak il-post trid tinnotifika lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif stabbilit fir-Regolament 10 tar-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma;
     
  3. post ikun mikri lil kwalunkwe persuna, sew jekk espressament jew b’mod taċitu, bil-ġimgħa, jew bix-xahar, jew għal mhux aktar minn tliet xhur, jew fejn il-post li jkun inkera għal aktar minn tliet xhur fil-fatt ikun okkupat mill-kerrej għal inqas minn tliet xhur, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha l-kontroll tal-post tkun responsabbli in solidum mal-kerrej għal kwalunkwe dejn dovut minn dan tal-aħħar fuq il-kiri tal-meter u l-provvista tal-ilma għal dak il-post.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

4. Applikazzjonijiet għal Konnessjoni ta’ Servizz tal-Ilma ġdid

F’każ ta’ konnessjoni ġdida, it-tariffi għal servizz ġdid huma dovuti kif stabbilit mir-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma.

Barra minn hekk, il-KSI u l-ARMS Ltd jitolbu li tiġi sottomessa dokumentazzjoni oħra flimkien mal-applikazzjoni għal servizz ġdid.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

5. Applikazzjonijiet għal Servizzi Oħra

In Malta the sole water supplier regulated by the Regulator for Energy and Water Services licensed to F’Malta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hi l-uniku fornitur tal-ilma regolat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u liċenzjat biex jipprovdi l-ilma tax-xorb permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni.

Kull persuna li tixtieq tapplika għal:

  1. tneħħija ta’ konnessjoni tas-servizz tal-ilma;
  2. konnessjoni mill-ġdid ta’ servizz tal-ilma;
  3. reġistrazzjoni ta’ bidla fil-konsumatur;
  4. rikonoxximent temporanju ta’ kerrej f’post mikri;
  5. provvista ta’ ilma temporanja;
  6. test jew bidla tal-meter tal-ilma;
  7. bidla fit-tariffa tal-kont;

trid tissottometti dik l-applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

6. Proċeduri f’Każ ta’ Lment

The WSC Customer Contract establishes provisions for receipt of customer complaints.

Il-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI jistabbilixxi provvedimenti sabiex jintlaqgħu lmenti mingħand il-klijenti.

L-ilmenti għandhom jintbagħtu lill-KSI / ARMS Ltd.:

  1. jew permezz tas-sit elettroniku tagħhom – www.wsc.com.mt u www.arms.com.mt;
     
  2. jew b’kuntatt telefoniku maċ-Ċentru ta’ Kuntatt mal-Klijenti fuq freephone 8007 2222;
     
  3. jew bi żjara f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Kuntatt tal-ARMS Limited, li jinsabu:
           Gattard House, Triq Nazzjonali, Il-Blata l-Bajda, Malta;
           Uffiċċju tal-KSI, Triq ta’ Wara s-Sur, Ir-Rabat, Għawdex.

Persuna li tixtieq tapplika għal ħlas ta’ danni trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.

F’każ fejn konsumatur eżawrixxa l-proċess kollu tat-trattament tal-ilmenti mal-KSI u/jew mal-ARMS Ltd u jħoss li d-deċiżjoni li ttieħdet hi inġusta, jew iħoss li l-ilment tiegħu ma ġiex indirizzat kif xieraq, jista’ jissottometti lment rigward il-kwistjoni tiegħu lir-REWS taħt ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30). Aktar dettalji dwar kif tista’ tirreġistra lment bħal dan mar-REWS jinstabu hawn: Notifika ta’ Kwistjoni

7. Assistenza Finanzjarja għal Ħlas ta’ Kontijiet

Persuna li għandha bżonn l-għajnuna biex tħallas il-kont tagħha għandha tikkuntattja lit-taqsima tal-kontroll tal-kreditu tal-KSI. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu wkoll mill-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI.

8. Servizzi ta’ Assistenza Speċjali

Persuna bi bżonnijiet speċjali li għandha bżonn assistenza għandha tikkuntattja lill-KSI rigward kwalunkwe talba għal assistenza speċjali.

9. Referenzi Legali

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hi mwaqqfa permezz tal-Att dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (Kapitlu 355 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Il-KSI hi regolata wkoll mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u r-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Servizzi tad-Drenaġġ.

Ir-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma jistabbilixxu dispożizzjonijiet marbutin ma’:

  1. applikazzjonijiet għall-provvista tal-ilma;
  2. it-tariffi u l-ħlas tal-konnessjoni applikabbli;
  3. depożiti, rifużjonijiet u garanziji;
  4. kejl tal-konsum u kontijiet;
  5. projbizzjoni ta’ xogħlijiet fuq servizz;
  6. tbagħbis tal-komunikazzjoni;
  7. notifika lill-KSI f’każ ta’ kiri ta’ post;
  8. aċċess għal post u identifikazzjoni ta’ impjegati tal-KSI;
  9. notifika ta’ appuntamenti biex jiġi installat apparat, eċċ.;
  10. ilmenti;
  11. sospensjoni tal-provvista tal-ilma.