MLT
REWS

Iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi

Last updated Oct 31, 2025

Mistoqsijiet relatati mal-Iċċarġjar ta’ Vetturi Elettriċi

1. X’inhi infrastruttura tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku?

L-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku hija infrastruttura tal-iċċarġjar (pilastri tal-iċċarġjar/punti tal-iċċarġjar) miftuħa għall-użu tal-pubbliku ġenerali. Il-punti tal-iċċarġjar installati għall-użu personali jew għall-użu tal-flotta ta’ vetturi tal-istess entità jew dawk b’aċċess ristrett għal ċirku limitat u determinat ta’ persuni, bħal parkeġġi f’bini ta’ uffiċċji li għalihom għandhom aċċess biss l-impjegati jew persuni awtorizzati, mhumiex ikkunsidrati bħala infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

2. Min jeħtieġ awtorizzazzjoni mingħand ir-regolatur għas-Servizzi tal-Enwġija u l-Ilma (REWS) biex jopera punti ta’ ċċarġjar?

Skont ir-Regolamenti  dwar  Infrastruttura  għall-Iċċarġjar  tal-Vetturi  Elettriċi  Aċċessibbligħall-Pubbliku (S.L.545.38) , l-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-PCIO maħruġa mir-REWS, irrispettivament mill-post ta’ fejn jinsabu dawn il-punti, jiġifieri jekk jinsabux fuq proprjetà pubblika jew privata.

3. Min jista’ jkun PCIO awtorizzat tar-REWS?

Kwalunkwe sole trader kumpanija, organizzazzjoni legali jew sħubija eċċ. tista’ tapplika biex tikseb Awtorizzazzjoni mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (jew REWS fil-qosor) biex tinħarġilha Awtorizzazzjoni bħala PCIO. M’hi meħtieġa l-ebda esperjenza u  fatturat finanzarju  tal-applikant/kumpanija eċċ. mhux se jkun fattur determinanti fl-għoti jew ċaħda ta’ din l-Awtorizzazzjoni. Madankollu, l-applikazzjoni sottomessa lir-REWS trid tinkludi pjan operattiv qasir li jinkludi l-istruttura organizzattiva tal-operatur, in-numru u t-tip ta’ punti ta’ ċċarġjar li hu ppjanat, u l-post fejn se jitħaddmu/jkunu installati.

4. Diġà qed nopera punti ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku. Għandi niġi awtorizzat?

Ir-Regolamenti dwar l-Infrastruttura tal-Iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi Aċċessibbli għall-Pubblikarju (L.S. 545.38) daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Novembru 2022; jiġifieri, xahrejn wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-regolamenti (A.L.226 of 2022) fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 ta’ Settembru 2022. Wara din id-data għandek bżonn awtorizzazzjoni biex topera l-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

5. Fejn nista’ nsib il-formola tal-applikazzjoni biex napplika mar-REWS biex tinħariġli awtorizzazzjoni biex nopera punti ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku?

Il-formoli tal-applikazzjoni biex tapplika għal awtorizzazzjoni u biex tirreġistra l-punti tal-iċċarġjar imħaddma taħt l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu mill-websajt tar-REWS: https://www.rews.org.mt/mt/services/vetturi-elettrici/

6. X’inhuma t-tariffi tal-elettriku applikabbli meta tiċċarġja minn punt ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku?

It-tariffi tal-elettriku applikabbli huma dawk stabbiliti mir-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41) għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi f’bini mhux residenzjali. Sommarju tat-Tariffi tal-Elettriku Approvati għall-Iċċarġjar ta’ Vetturi Elettriċi jista’ jinstab fuq il-websajt tar-REWS: https://www.rews.org.mt/mt/consumer-information/tarrifi-rregolati-tal-elettriku/

7. Apparti mit-tariffi tal-elettriku, x’ inhuma l-ispejjeż/miżati li utent tal-vettura elettrika jista’ jkun obbligat iħallas?

PCIO awtorizzat / Operatur ta’ punti ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku (PCIO) jista’ jitlob prezz ogħla (premium) mit-tariffi stabbiliti tal-elettriku sabiex ikopri l-ispiża tas-servizz li qed joffri. Dan il-prezz huwa determinat mill-PCIO u mhuwiex regolat. Madankollu, il-PCIO għandu juri b’mod separat u ċar il- prezz  tal-komponent tal-elettriku mill-premium.

8. Kif ikun jaf utent ta’ vettura elettrika (EV) it-tariffi applikabbli meta juża punt ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku?

PCIO awtorizzat huwa marbut bir-regolamenti li juri l-komponent tal-elettriku (rata ta’ tariffa fissa kif stabbilita mir-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Elettriku) separatament mill-komponenti l-oħra tal-prezz li jkopru l-ispejjeż tal-operazzjoni tal-punt tal-iċċarġjar.

9. X’inhi r-rata attwali tal-VAT li għandha tiġi applikata mill-operatur awtorizzat fuq l-iċċarġjar tal-EV?

Il-komponent tat-tariffa tal-elettriku diġa’ tinkludi l-VAT u għalhekk m’għandu jkun hemm l-ebda żieda f’dan il-prezz bħala trasferiment. Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) bir-rata ta’ tmintax fil-mija (18%) hija applikabbli fuq il-premium li l-operatur tal-punt tal-iċċarġjar jista’ jiddetermina u jitlob bħala ħlas addizjonali għall-użu tal-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-EV.

10. Il-Korporazzjoni EneMalta se tipprovdi arloġġ tad-dawl separat għal kull punt/pilastru, jew se tinstalla arloġġ wieħed tad-dawl għal numru ta’ punti?

Fil-każijiet kollha, il-Korporazzjoni Enemalta se tinstalla arloġġ tad-dawl tal- EV wieħed għal kull kont reġistrat mal-kumpanija ARMS skont ir-rating meħtieġ li miegħu jistgħu jiġu konnessi punti ta’ ċċarġjar.

11. Liema ħlasijiet ta’ konnessjoni mal-grilja huma applikabbli għall-installazzjoni tal-arloġġ tad-dawl tal-EV?

It-tariffi applikabbli għall-konnessjoni mal-grilja huma dawk stabbiliti mir- Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41).

Sommarju tat-tariffi applikabbli għall-installazzjoni tal-arloġġ tad-dawl tal-EV fuq servizz tal-elettriku eżistenti huwa disponibbli fuq:
https://www.rews.org.mt/mt/consumer-information/tarrifi-rregolati-tal-elettriku

Għal aktar dettalji dwar xenarji speċifiċi, wieħed irid jikkomunika mal-Korporazzjoni Enemalta, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSO), billi jibgħat email lil: evconsult.em@enemalta.com.mt

12. Utent ta’ EV jeħtieġ li jkollu kuntratt ma’ PCIO biex jiċċarġja vettura elettrika (EV)?

Le, PCIO awtorizzat huwa obbligat li jippermetti lill-utenti tal-EV jużaw kwalunkwe punt ta’ ċċarġjar mingħajr il-ħtieġa ta’ kuntratt, l-hekk imsejjaħ iċċarġjar Ad hoc.

13. Jista’ PCIO joffri ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi bbażat fuq kuntratt?

Iva, huwa possibbli li jiġi offrut kuntratt għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.

14. Jista’ PCIO joffri ċċarġjar lil utenti ta’ EV li għandhom kuntratt ma’ operatur ieħor?

Iva; apparti l-iċċarġjar Ad hoc, PCIO jista’ joffri wkoll arranġamenti ta’ ċċarġjar ibbażati fuq kuntratt lill-utent tal-EV u/jew servizzi ta’ roaming lil utenti tal-EV li għandhom kuntratt ma’ operaturi oħra. Operatur li joffri servizz ta’ ċċarġjar fuq bażi kuntrattwali f’isem operaturi oħra jista’ jipprovdi dan is-servizz permezz ta’ konnessjoni diġitali tal-infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ma’ pjattaforma ta’ interoperabbiltà, kemm jekk ġestita mill-istess operatur ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll minn partijiet terzi.

15. Hemm xi protokolli obbligatorji li għandhom jintużaw għall-iskambju tad-data fil-każ ta’ Infrastruttura tal-Iċċarġjar Aċċessibbli għall-Pubbliku?

Ir-Regolamenti dwar  Infrastruttura  għall-Iċċarġjar  tal-Vetturi  Elettriċi  Aċċessibbligħall-Pubblika (L.S. 545.38), regolament 11 jirrikjedi li l-Protokoll Miftuħ tal-Punt tal-Iċċarġjar (jew OCPP) għandu jintuża għall-iskambju ta’ data bejn il-punti tal-iċċarġjar u s-sistema ta’ ġestjoni tal-punt tal-iċċarġjar; u l-Interface Miftuħa tal-Punt tal-Iċċarġjar (OCPI) bejn is-sistema ta’ ġestjoni tal-punt tal-iċċarġjar u l-pjattaformi li jipprovdu servizzi ta’ iċċarġjar (servizzi ta’ mobilità elettronika) u servizzi ta’ roaming.

16. Hemm xi inċentivi li PCIO prospettiv jista’ japplika għalihom sabiex jikkumpensa għall-prezz għoli inizjali tal-pilastru?

Il-Malta Enterprise tista’ tiggwida lil kull applikant fuq bażi individwali lejn numru ta’ skemi tal-UE u krediti/għotjiet oħra tat-taxxa li huma disponibbli għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (jew SMEs fil-qosor).

17. Jista’ jiġi installat punt ta’ ċċarġjar personali għal vetturi elettriċi (EV) quddiem residenza privata li ma tinkludix garaxx jew spazju għall-karozzi?

Il-punti tal-iċċarġjar personali jistgħu jiġu installati biss ġewwa proprjetajiet privati ​​u jintużaw f’dawn il-proprjetajiet privati.

18. Fejn jista’ wieħed isib informazzjoni li tindika l-post eżatt tal-punti tal-iċċarġjar tal-EV aċċessibbli għall-pubbliku madwar il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex?

Iżjed tagħrif dwar fejn jinsabu Punti tal-Iċċarġjar Aċċessibbli għall-Pubbliku eżistenti installati mill-Gvern u informazzjoni oħra jinstab fuq: https://chargemyride.mt/

19. X’inhuma t-tariffi tal-elettriku applikabbli fil-każ ta’ punti ta’ ċċarġjar f’bini kummerċjali (blokk ta’ uffiċini, garaxx) użati biss mill-impjegati li jaħdmu f’tali bini jew persuni awtorizzati?

It-tariffi tal-elettriku applikabbli huma dawk stabbiliti mir- Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41)  għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi f’bini mhux residenzjali. Sommarju tat-Tariffi tal-Elettriku Approvati għall-Iċċarġjar ta’ Vetturi Elettriċi jista’ jinstab fuq il-websajt tar-REWS, link: https://www.rews.org.mt/mt/consumer-information/tarrifi-rregolati-tal-elettriku/

20. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni jekk il-punt tal-iċċarġjar ikun installat f’residenza privata u għal użu privat?

Le, il-punti tal-iċċarġjar installati għal użu privat m’għandhomx bżonn awtorizzazzjoni skont ir- Regolamenti dwar  Infrastruttura  għall-Iċċarġjar  tal-Vetturi  Elettriċi  Aċċessibbli għall-Pubblika (L.S. 545.38).

21. Liema tariffi tal-elettriku japplikaw għall-iċċarġjar ta’ karozza elettrika f’residenza privata?

Wieħed jista’ japplika ma’ ARMS Limited biex jinstalla arloġġ tad-dawl iddedikat għall-iċċarġjar tal-vettura elettrika. F’dan il-każ, it-tariffa barra l-ħinijiet peak tapplika għall-konsum tal-elettriku għall-iċċarġjar tal-vettura elettrika (EV) matul il-ħinijiet peak. Il-prezz ta’ kwalunkwe unità kkunsmata għall-iċċarġjar tal-EV barra l-ħinijiet peak jiġi kkalkulat bit-tariffi applikabbli b’mod kumulattiv mal-konsum l-ieħor tar-residenza tal-individwu. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fuq:

https://www.rews.org.mt/mt/consumer-information/tarrifi-rregolati-tal-elettriku/

22. Jista’ wieħed jibbenefika minn tariffi tal-elettriku għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi (EV) fi spazju għall-karozzi (spazju mhux imsakkar) taħt blokk ta’ appartamenti?

Iva, wieħed jista’ japplika ma’ ARMS Limited biex jingħata arloġġ tad-dawl għall-iċċarġjar tal-EV fl-ispazju tal-karozza.

23. Jista’ wieħed jibbenefika minn tariffi tal-elettriku għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi fi spazju għall-karozzi (spazju mhux imsakkar) taħt blokk ta’ appartamenti mingħajr ma jkollu appartament b’servizz tal-elettriku f’dak il-blokk?

Iva, wieħed jista’ japplika ma’ ARMS Limited sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tinstalla l-arloġġ tad-dawl għall-iċċarġjar tal-EV fl-ispazju tal-karozza.

24. Fejn jista’ wieħed isib informazzjoni dwar kemm jista’ jiswa s-sewqan ta’ vettura elettrika meta mqabbla ma’ vettura konvenzjonali?

Għal paragun tal-prezz medju biex issuq mitt kilometru (100km) b’vettura elettrika u b’vettura konvenzjonali, agħfas hawn.