Konnessjoni mas-Sistema ta’ Distribuzzjoni tal-Elettriku
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jirregola l-Enemalta plc, li hi l-unika entità f’Malta li hi liċenżjata biex twettaq il-funzjonijiet ta’ operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u fornitur tal-elettriku lill-klijenti finali.
Kemm il-liċenzja biex twettaq kwalunkwe funzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni kif ukoll il-liċenzja biex tipprovdi l-elettriku nħarġu skont ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Elettriku. Ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Elettriku jirrikjedu li l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni (Enemalta plc) jipprovdi servizz universali lill-klijenti domestiċi kollha u, meta l-Ministru jqis li jkun xieraq, lil intrapriżi żgħar ukoll.
Skont il-kundizzjonijiet tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Elettriku u l-liċenzja, ġie ppubblikat Charter għall-Klijenti li jifforma parti minn dak li jitqies bħala l-kuntratt bejn l-Enemalta u l-klijenti li jużaw is-servizzi tagħha. Iċ-Charter għall-Klijenti ġie approvat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Enemalta plc u l-klijenti tagħha.
Kull persuna li tixtieq tqabbad il-proprjetà tagħha mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tiġi pprovduta bl-elettriku trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd, kumpanija sussidjarja tal-Enemalta plc u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), li twaqqfet biex tamministra u topera s-sistemi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, assistenza għall-klijenti, u l-funzjonijiet ta’ kuntatt mal-pubbliku.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt
It-tariffi għall-provvista u l-installazzjoni ta’ konnessjoni ta’ servizz tal-elettriku ġdid jew titjib ta’ servizz eżistenti huma regolati mir-Regolament 14 tar-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku, kif ġej:
- €300 (tliet mitt ewro) għal provvisti single-phase b’kapaċità nominali sa 40 Amp u f’distanza sa 150 metru mill-eqreb provvista tajba ta’ vultaġġ baxx;
- €900 (disa’ mitt ewro) għal provvisti three-phase b’kapaċità nominali sa 60 Amp kull fażi u f’distanza sa 150 metru mill-eqreb provvista tajba ta’ vultaġġ baxx.
Barra minn hekk,
- Fejn it-tul tar-rotta tas-servizz ikun iktar minn 150 metru mill-eqreb sors tajjeb ta’ provvista ta’ vultaġġ baxx:
- f’każ ta’ provvisti single-phase b’kapaċità nominali sa 40 Amp, l-applikant irid iħallas l-ispejjeż kollha tal-estensjoni li minnhom titnaqqas it-tariffa tal-konnessjoni msemmija f’punt (a). Tapplika tariffa minima ta’ €430 (erba’ mija u tletin ewro).
- f’każ ta’ provvisti three-phase b’kapaċità nominali sa 60 Amp kull fażi, l-applikant irid iħallas l-ispejjeż kollha tal-estensjoni li minnhom jitnaqqsu t-tariffi tal-konnessjoni msemmija f’punt (b). Tapplika tariffa minima ta’ €1,300 (elf u tliet mitt ewro).
- f’każ ta’ provvisti single-phase b’kapaċità nominali sa 40 Amp, l-applikant irid iħallas l-ispejjeż kollha tal-estensjoni li minnhom titnaqqas it-tariffa tal-konnessjoni msemmija f’punt (a). Tapplika tariffa minima ta’ €430 (erba’ mija u tletin ewro).
- f’każ ta’ servizzi three-phase b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 60 Amp kull fażi (provvista bl-ingrossa), l-applikant irid iħallas l-ispejjeż kollha tal-estensjoni mill-eqreb substation, sakemm in-numru ta’ Amps multiplikat bid-distanza ma jeċċedix 30,000. Barra minn hekk, tkun dovuta kontribuzzjoni għal vultaġġ għoli ta’ €81.52 kull kVA. Provvisti bl-ingrossa jistgħu jkollhom kapaċità nominali ta’: 100 Amp, 125 Amp, 160 Amp, 200 Amp, 250 Amp, 315-il Amp, 355 Amp, 400 Amp, 450 Amp, 500 Amp.
- F’każ ta’ servizzi three-phase b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 60 Amp kull fażi, u n-numru ta’ Amps multiplikat bid-distanza jeċċedi t-30,000, tkun tinħtieġ substation ġdida li trid tiġi ffinanzjata jew mill-applikant jekk din tkun iddisinjata għall-użu tiegħu biss, jew inkella bi ftehim ta’ qsim tal-ispejjeż mal-Enemalta plc u/jew ma’ klijenti oħra f’każ ta’ substation kondiviża.
Djar, appartamenti, flettijiet, fabbriki, lukandi, stabbilimenti kummerċjali, uffiċini u kwalunkwe binjiet oħra li huma internament interkonnessi fiżikament, jingħatalhom servizz tal-elettriku wieħed biss sakemm iċ-Chairman ma jawtorizzax mod ieħor.
F’każ ta’ aktar minn konsumatur wieħed fi ħdan żvilupp wieħed, il-mod kif l-iżvilupp jingħata konnessjoni tal-elettriku mas-sistema ta’ distribuzzjoni jiddependi fuq it-tip ta’ servizzi meħtieġa minn kull klijent individwali fi ħdan l-iżvilupp, id-domanda totali tal-iżvilupp, u d-distanza min-netwerk eżistenti tad-distribuzzjoni, kif stabbilit mir-Regolament 14(2) tar-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku.
Ix-xogħlijiet marbuta mal-provvista ta’ konnessjoni ta’ servizz jitwettqu mill-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni sakemm ma jkunx hemm ftehim li l-applikant se jagħmel parti mix-xogħlijiet hu, u dan f’każ ta’ provvisti bl-ingrossa u substations.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt
F’każ fejn:
- Persuna tibda tokkupa residenza li diġà moqdija b’konnessjoni tas-servizz tal-elettriku mas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, trid tiġi sottomessa applikazzjoni lill-Enemalta plc tramite l-ARMS Ltd biex tiġi reġistrata l-bidla fil-konsumatur;
- Post ikun mikri għal aktar minn tliet xhur lil kwalunkwe persuna oħra li mhijiex residenta permanenti f’Malta, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha f’idejha l-kontroll ta’ dak il-post trid tinnotifika lill-Enemalta plc, kif stabbilit fir-Regolament 11 tar-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku;
- Post ikun mikri lil kwalunkwe persuna, sew jekk espressament jew b’mod taċitu, bil-ġimgħa, jew bix-xahar, jew għal mhux aktar minn tliet xhur, jew fejn il-post li jkun inkera għal aktar minn tliet xhur fil-fatt ikun okkupat mill-kerrej għal inqas minn tliet xhur, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha l-kontroll tal-post tkun responsabbli in solidum mal-kerrej għal kwalunkwe dejn dovut minn dan tal-aħħar fuq il-kiri tal-meter u l-provvista tal-elettriku għal dak il-post.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt
F’każ ta’ konnessjoni ġdida jew titjib ta’ servizz eżistenti, it-tariffi għal servizz ġdid huma dovuti kif stabbilit mir-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku.
Barra minn hekk, l-Enemalta plc u l-ARMS Limited jitolbu li tiġi sottomessa dokumentazzjoni oħra flimkien mal-applikazzjoni għal servizz ġdid.
Jistgħu jinkisbu aktar dettalji mis-sit elettroniku tal-ARMS Ltd: www.arms.com.mt
F’Malta l-Enemalta plc hi l-uniku fornitur tal-elettriku regolat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u liċenzjat biex jipprovdi l-elettriku lill-klijenti finali. Għaldaqstant, mhux possibbli li jinbidel il-fornitur tal-elettriku.
Kull persuna li tixtieq tapplika għal:
- tibdil fis-servizz tal-elettriku;
- tneħħija ta’ konnessjoni tas-servizz tal-elettriku;
- konnessjoni ta’ impjant ta’ sħana u enerġija kkombinati mal-grilja tal-elettriku;
- gaiters jew tifi jew devjazzjoni;
- korrezzjoni tal-fattur ta’ potenza;
- reġistrazzjoni ta’ bidla fil-konsumatur;
- rikonoxximent temporanju ta’ kerrej f’post mikri;
- reġistrazzjoni ta’ bidla fil-konsumatur (bejn konjuġi);
- bidla fid-dikjarazzjoni tan-numru ta’ persuni fuq il-kont;
- għal rimedju;
- test jew bidla tal-meter tal-elettriku;
- kont aġġornat;
- provvista tal-elettriku temporanja;
- konnessjoni ta’ installazzjoni solari fotovoltajka;
- konnessjoni ta’ installazzjoni ta’ turbina microwind;
- bidla fit-tariffa tal-kont (inkluż bidla fl-għażla tat-tariffa feed-in);
- ħlas lura fuq ħiter tal-ilma solari;
- konnessjoni mill-ġdid ta’ servizz tal-elettriku;
- dikjarazzjoni dwar servizz li ma jintużax regolarment;
irid jissottometti dik l-applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.
Aktar dettalji dwar dawn u servizzi oħrajn jistgħu jinkisbu mill-ARMS Ltd: www.arms.com.mt
Iċ-Charter għall-Klijenti ppubblikat mill-Enemalta plc jistabbilixxi provvedimenti sabiex jintlaqgħu lmenti mingħand il-klijenti.
L-ilmenti għandhom jintbagħtu lill-Enemalta plc / ARMS Ltd.:
- jew permezz tas-sit elettroniku tagħhom – www.enemalta.com.mt u www.arms.com.mt;
- jew b’kuntatt telefoniku mat-Tim tal-Assistenza tal-Klijent tal-Enemalta fuq freephone 8007 2224 jew permezz ta’ email fuq customercare.em@enemalta.com.mt għal ilmenti relatati ma’ problemi tekniċi;
- jew b’kuntatt telefoniku mal-ARMS Ltd fuq freephone 8007 2222 jew permezz ta’ email fuq customercare@arms.com.mt għal problemi relatati ma’ kontijiet u applikazzjonijiet;
- jew bi żjara f’wieħed miċ-Ċentri tal-Kuntatt tal-ARMS Limited, li jinsabu:
- Gattard House, Triq Nazzjonali, Il-Blata l-Bajda, Malta;
- Triq l-Ifran, Il-Belt Valletta, Malta;
- Triq il-Kapuċċini, Ir-Rabat, Għawdex;
- Triq il-Ħamrija, Ix-Xewkija, Għawdex.
Persuna li tixtieq tapplika għal ħlas ta’ danni trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.
F’każ fejn konsumatur eżawrixxa l-proċess kollu tat-trattament tal-ilmenti mal-Enemalta plc u/jew mal-ARMS Ltd u jħoss li d-deċiżjoni li ttieħdet hi inġusta, jew iħoss li l-ilment tiegħu ma ġiex indirizzat kif xieraq, jista’ jissottometti lment rigward il-kwistjoni tiegħu lir-REWS taħt ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30). Aktar dettalji dwar kif tista’ tirreġistra lment bħal dan mar-REWS jinstabu hawn: Notifika ta’ Kwistjoni details on how such a complaint may be submitted to REWS may be found here: (Filing a Complaint).
Persuna li għandha bżonn l-għajnuna biex tħallas il-kont tagħha għandha tikkuntattja lit-taqsima tal-kontroll tal-kreditu tal-Enemalta.
Persuna bi bżonnijiet speċjali li għandha bżonn assistenza għandha tikkuntattja lill-Enemalta plc rigward kwalunkwe talba għal assistenza speċjali.
L-Enemalta plc hi regolata wkoll mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u r-Regolamenti dwar is-Suq tal-Elettriku.
Ir-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku jistabbilixxu dispożizzjonijiet marbutin ma’:
- applikazzjonijiet għall-provvista tal-elettriku;
- it-tariffi u l-ħlas tal-konnessjoni applikabbli;
- depożiti, rifużjonijiet u garanziji;
- kejl tal-konsum u kontijiet;
- tbagħbis tal-meter;
- notifika lill-Enemalta f’każ ta’ kiri ta’ post;
- aċċess għal post u identifikazzjoni ta’ impjegati tal-Enemalta;
- notifika ta’ appuntamenti biex jiġi installat apparat, eċċ.;
- sospensjoni tal-provvista tal-elettriku.