MLT
REWS

Domestiku

Last updated May 8, 2025

Ġbir ta’ Drenaġġ Domestiku – Konnessjoni mas-Sistema Pubblika ta’ Ġbir tad-Drenaġġ

1. Id-Drittijiet tal-Konsumaturi fir-rigward tal-Ġbir tad-Drenaġġ Domestiku

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jirregola l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) bħala l-unika entità f’Malta li hi liċenzjata biex tforni l-ilma permezz tan-netwerk pubbliku tad-distribuzzjoni tal-ilma u biex tipprovdi servizzi ta’ drenaġġ permezz tas-sistema pubblika ta’ ġbir tad-drenaġġ. Il-liċenzja hi maħruġa taħt ir-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Servizzi tad-Drenaġġ.

Skont it-termini tal-liċenzja, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ppubblikat Kuntratt mal-Konsumatur, li ġie approvat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-klijenti tagħha.

Kull persuna li tixtieq tqabbad il-proprjetà tagħha u tiddisponi mid-drenaġġ domestiku / skart likwidu permezz tas-sistema pubblika ta’ ġbir tad-drenaġġ trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Nota: Drenaġġ domestiku / skart likwidu jfisser drenaġġ / skart likwidu minn residenzi u servizzi li joriġina fil-biċċa l-kbira tiegħu mill-metaboliżmu tal-bniedem u minn attivitajiet tad-dar.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI.

2. Tariffi tal-Applikazzjoni

It-tariffi għall-konnessjoni mas-sistema pubblika ta’ ġbir tad-drenaġġ huma regolati mir-Regolamenti dwar Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-Iżvilupp.  Ir-Regolamenti dwar Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-Iżvilupp jistabbilixxu li fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għal permess biex jitwettaq żvilupp tkun dovuta Kontribuzzjoni għas-Servizzi ta’ Infrastruttura, magħmula minn kontribuzzjoni għad-Drenaġġ u kontribuzzjoni għat-Triq.

Dan il-ħlas isir bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tas-servizzi ta’ infrastruttura u servizzi u faċilitajiet oħra relatati mal-permess biex tiġi żviluppata l-art. Il-kontribuzzjoni titħallas bħala parti mit-tariffi tal-applikazzjoni għall-iżvilupp, u r-rati applikabbli għall-kontribuzzjonijiet għad-drenaġġ huma stabbiliti kif ġej:
 

ŻviluppRata għall-kontribuzzjoni tad-drenaġġ
€ / m2
Kategorija A 
Agrikoltura1.80
Boathouse għal Sajjied Reġistra1.80
Bungalow2.78
Żvilupp Kummerċjali (inkluż estensjonijiet) Spazju ta’ Art3.00
Flat / Terraced House / Maisonette2.60
Garaxxijiet anċillari ma’ użu ieħor fuq is-sit2.60
Garaxxijiet oħra2.60
Penthouse7.50
Parkeġġ Pubbliku3.00
Soċjali / Kulturali / Sport / Edukattiv / Rilokazzjoni Forzata2.20 
Villa (Semi / Fully Detached – 2 unitajiet ta’ abitazzjoni) / Razzett1.80
Kategorija B 
Bini jew Użu Speċjali3.08

3. Meta ġġorr għal Post ġdid: Xiri u Kiri ta’ Proprjetà

IF’każ fejn:

  1. persuna tibda tokkupa residenza diġà moqdija b’konnessjoni tas-servizz tal-ilma mas-sistema pubblika ta’ provvista tal-ilma u b’konnessjoni tad-drenaġġ mas-sistema ta’ ġbir tad-drenaġġ, trid tiġi sottomessa applikazzjoni lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tramite l-ARMS Ltd biex tiġi reġistrata l-bidla fil-konsumatur;
     
  2. post ikun mikri għal aktar minn tliet xhur lil kwalunkwe persuna oħra li mhijiex residenta permanenti f’Malta, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha f’idejha l-kontroll ta’ dak il-post trid tinnotifika lill-KSI, kif stabbilit fir-Regolament 10 tar-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma;
     
  3. post ikun mikri lil kwalunkwe persuna, sew jekk espressament jew b’mod taċitu, bil-ġimgħa, jew bix-xahar, jew għal mhux aktar minn tliet xhur, jew fejn il-post li jkun inkera għal aktar minn tliet xhur fil-fatt ikun okkupat mill-kerrej għal inqas minn tliet xhur, il-persuna li hi s-sid jew li tamministra jew li għandha l-kontroll tal-post tkun responsabbli in solidum mal-kerrej għal kwalunkwe dejn dovut minn dan tal-aħħar fuq il-kiri tal-meter u l-provvista tal-ilma għal dak il-post.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

4. Applikazzjoni għal Konnessjoni mas-Sistema ta’ Ġbir tad-Drenaġġ u Rimi ta’ Drenaġġ Domestiku

Kull persuna li tixtieq tqabbad il-proprjetà tagħha u tiddisponi mid-drenaġġ domestiku permezz tas-sistema pubblika ta’ ġbir tad-drenaġġ trid tissottometti applikazzjoni lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Il-KSI tipprovdi gwida u sorveljanza teknika lill-klijent sabiex dan ikun jista’ jikkonnettja mas-sistema ta’ ġbir tad-drenaġġ, u dawn ix-xogħlijiet għandhom jitwettqu skont ir-Regolamenti dwar il-Bini ta’ Djar u Drenaġġi.

F’każ fejn mhix installata sistema ta’ drenaġġ (eż. lokalitajiet fl-imwarrab), il-KSI tkun obbligata tipprovdi disinn biex tinbena fossa, a spejjeż tal-konsumatur, u soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet relevanti. F’każijiet bħal dawn il-KSI tipprovdi wkoll servizz ta’ tbattil tal-fossa bla ħlas għal applikazzjonijiet domestiċi biss.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI.

5. Applikazzjonijiet għal Servizzi Oħra

IF’Malta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hi l-uniku fornitur tal-ilma regolat mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u liċenzjat biex jipprovdi l-ilma tax-xorb permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u biex jiġbor id-drenaġġ permezz ta’ sistema ta’ ġbir tad-drenaġġ.

Kull persuna li tixtieq tapplika għal:

  1. reġistrazzjoni ta’ bidla fil-konsumatur;
  2. bidla fit-tariffa tal-kont;
  3. rikonoxximent temporanju ta’ kerrej f’post mikri;

trid tissottometti dik l-applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-ARMS Ltd: www.arms.com.mt

6. Proċeduri f’Każ ta’ Lment

Il-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI jistabbilixxi provvedimenti sabiex jintlaqgħu lmenti mingħand il-klijenti.

L-ilmenti għandhom jintbagħtu lill-KSI / ARMS Ltd.:

  1. jew permezz tas-sit elettroniku tagħhom – www.wsc.com.mt u www.arms.com.mt;
  2. jew b’kuntatt telefoniku maċ-Ċentru ta’ Kuntatt mal-Klijenti fuq freephone 8007 2222;
  3. jew bi żjara f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Kuntatt tal-ARMS Limited, li jinsabu:
           Gattard House, Triq Nazzjonali, Il-Blata l-Bajda, Malta;
           Uffiċċju tal-KSI, Triq ta’ Wara s-Sur, Ir-Rabat, Għawdex.

Persuna li tixtieq tapplika għal ħlas ta’ danni trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lill-ARMS Ltd.

F’każ fejn konsumatur eżawrixxa l-proċess kollu tat-trattament tal-ilmenti mal-KSI u/jew mal-ARMS Ltd u jħoss li d-deċiżjoni li ttieħdet hi inġusta, jew iħoss li l-ilment tiegħu ma ġiex indirizzat kif xieraq, jista’ jissottometti lment rigward il-kwistjoni tiegħu lir-REWS taħt ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet (L.S.545.30). Aktar dettalji dwar kif tista’ tirreġistra lment bħal dan mar-REWS jinstabu hawn: Notifika ta’ Kwistjoni dispute to REWS under the Dispute Resolution (Procedure) Regulations (S.L.545.30).  Further details on how such a complaint may be submitted to REWS may be found here:  (Filing a Complaint).

7. Assistenza Finanzjarja għal Ħlas ta’ Kontijiet

Persuna li għandha bżonn l-għajnuna biex tħallas il-kont tagħha għandha tikkuntattja lit-taqsima tal-kontroll tal-kreditu tal-KSI. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu wkoll mill-Kuntratt mal-Konsumatur tal-KSI.

8. Servizzi ta’ Assistenza Speċjali

Persuna bi bżonnijiet speċjali li għandha bżonn assistenza għandha tikkuntattja lill-KSI rigward kwalunkwe talba għal assistenza speċjali.

9. Referenzi Legali

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hi mwaqqfa permezz tal-Att dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (Kapitlu 355 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Il-KSI hi regolata wkoll mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u r-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Servizzi tad-Drenaġġ.

Ir-Regolamenti dwar il-Bini ta’ Djar u Drenaġġi jistabbilixxu dispożizzjonijiet marbuta mal-bini ta’ drenaġġi, konnessjonijiet tad-drenaġġ, fosos, kmamar tal-ispezzjoni, eċċ.

Il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija (Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta’ Malta) ukoll jistabbilixxu provvedimenti oħra fir-rigward ta’:

  1. ir-regoli li jridu jiġu osservati fil-bini tad-djar inkluż il-konnessjoni mad-drenaġġ pubbliku;
  2. il-poteri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex jiżgura li dawn ir-regolamenti u l-provvedimenti jiġu mħarsa;
  3. l-obbligi tas-sidien ta’ proprjetà fir-rigward ta’ servitù u ta’ aċċess biex jissewwew il-ventilaturi ta’ drenaġġi pubbliċi.