MLT
REWS

Awtorizzazzjoni għat-Twettiq ta’ Attività ta’ Importatur u, jew Grossista tal-Petroleum

Last updated Oct 8, 2025

1: Applikazzjoni għall-Ħruġ, Tiġdid jew Trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni għat-Twettiq ta’ Attività ta’ Importatur u, jew Grossista tal-Petroleum

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni biex iwettqu l-attività ta’ importatur u, jew grossista tal-petroleum skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17.

Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:

  1. tirrilaxxa għall-konsum fis-suq tal-karburanti fuq l-art (timporta) l-petroleum skont it-termini tal-Att dwar Dazju tas-Sisa, jew
  2. tippossjedi, tħallat jew timmaniġġa l-petroleum bil-għan li dan jerġa’ jinbiegħ f’ammont kbir lil bejjiegħa tal-imnut, bl-esklużjoni ta’ konsumaturi finali (tbigħ bl-ingrossa),

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur qabel ma twettaq xi attività liċenzjata ta’ din ix-xorta.

Dawn it-tipi ta’ petroleum li ġejjin jirrikjedu awtorizzazzjoni mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma skont ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17:

  • petrol mingħajr ċomb EN 228;
  • diesel EN 590;
  • żejt tal-gass;
  • żejt kombustibbli;
  • pitrolju;
  • biodiesel (sakemm mhux l-unika importazzjoni jew bejgħ bl-ingrossa);
  • żejt veġetali idrotrattat (sakemm mhux l-unika importazzjoni jew bejgħ bl-ingrossa);
  • bijoetanol (sakemm mhux l-unika importazzjoni jew bejgħ bl-ingrossa);
  • u tipi oħra ta’ petroleum esklużi dawk elenkati fir-Raba’ Skeda tal-liġi.

Kwalunkwe provditur awtorizzat:

  1. li l-awtorizzazzjoni tiegħu biex iwettaq l-attività ta’ importatur u, jew grossista tal-petroleum waslet biex tiskadi jew
  2. li jirrikjedi li tali awtorizzazzjoni tiġi trasferita lil parti terza, jew
  3. li beħsiebu jibda jimporta u/jew ibiegħ bl-ingrossa kwalunkwe tip ieħor ta’ karburant li mhux elenkat fl-awtorizzazzjoni tiegħu;

għandu japplika għat-tiġdid jew għat-trasferiment jew l-emenda tal-awtorizzazzjoni lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma qabel ma jwettaq attività liċenzjata ta’ din ix-xorta.

Applikanti prospettivi mistiedna jirreferu għal dawn id-doukemnti:

  1. Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għal Importatur u/jew Grossista tal-Petroleum
  2. Mudell ta’ Awtorizzazzjoni għal Importatur u/jew Grossista tal-LPG 
  3. Mudell ta’ Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Awtorizzazzjoni għal Importatur u/jew Grossista tal-LPG  

sabiex jiksbu idea ċara tal-awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip li jinħarġu mir-REWS.

Eżenzjonijiet

Ir-Regolamenti jeżentaw l-attivitajiet li ġejjin mill-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni mir-Regolatur:

  1. l-importazzjoni u ż-żamma in bona fede ta’ kwantità ta’ inqas minn 25 litru ta’ petroleum għall-użu esklussiv ta’ ttestjar f’laboratorju;
  2. l-importazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ petroleum fi kwantitajiet li ma jeċċedux l-ammonti li ġejjin, f’sena kalendarja:
    • 20,000 litru ta’ spirtu tal-muturi;
    • 1,500 kg ta’ LPG fi skrataċ u f’kontenituri żgħar simili.

Applikazzjoni għall-ħruġ, tiġdid jew trasferiment ta’ awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ attività ta’ importatur u, jew grossista tal-petroleum:

Authorisation e-Form.

Authorisation Form (English)REWS/022/v11-03-05/22

2: Referenzi Legali

Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17

Nota: L-applikanti huma mħeġġa biex iqabbdu lil xi ħadd mil-lista ta’ persuni kompetenti fil-ħżin primarju tal-petroleum likwidu jew mil-lista ta’ persuni kompetenti fil-ħżin primarju tal-LPG sabiex jgħinhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni.

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
  2. F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
  3. Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.

Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.

4: Tip ta Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  • Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant jew f’każ ta’ entità legali, kopja tal-karti tal-identità jew tal-passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
  • Kopja oriġinali taċ-ċertifikat tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija, li fid-data tal-applikazzjoni ma jkunx ilu li ħareġ aktar minn tliet (3) xhur. F’każ ta’ kumpaniji, jintalbu wkoll iċ-ċertifikat(i) tal-kondotta maħruġa mill-Pulizija fir-rigward tar-rappreżentant(i) legali.
  • Pjan tan-Negozju tal-operazzjonijiet proposti bi projezzjoni ta’ tliet (3) snin, inkluż projezzjonijiet finanzjarji u d-dettalji tal-faċilitajiet proposti għall-ħżin tal-karburanti.

5: Tariffi Applikabbli

Għall-applikazzjoni għall-ħruġ, tiġdid jew trasferiment ta’ awtorizzazzjoni, it-tariffi applikabbli huma kif ġej:

  1. Tariffa tal-applikazzjoni mhix rifondibbli ta’ €233 (mitejn u tlieta u tletin ewro);
  2. Tariffi annwali tal-awtorizzazzjoni u ħlasijiet dovuti huma kif ġej:
    • Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni = €2,329;
    • Ħlas ta’ €0.00175 għal kull litru ta’ karburant li jiġi impurtat.

F’każijiet fejn il-provditur awtorizzat japplika biex jiżdied xi tip ta’ karburant u jiġi inkluż bħala parti mill-awtorizzazzjoni, it-tariffa tal-applikazzjoni ma tapplikax. 

6: Penali u Reati

Ir-regolament 34 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux aktar minn tmintax-il xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn disgħa u sittin elf u tmien mija u wieħed u tmenin ewro u għoxrin ċenteżmu (€69,881.20), jew ta’ elf u tliet mija u sebgħa u disgħin ewro u tnejn u sittin ċenteżmu (€1,397.62) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:

  1. kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
  2. ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
    1. mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
    2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ attività ta’ importatur u, jew grossista tal-petroleum, ir-regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet (3) xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 10 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur sitt (6) xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 14 tar-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji – L.S. 545.17.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta