MLT
REWS

2025 Skema għal ‘Water Heater’

Last updated Dec 31, 2025

1.1: Applikazzjoni – Parti A – 2025 Skema għal ‘Water Heater’

L-iskema tal-‘ Water Heaters’ hija amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, bil-ħsieb li tinkoraġixxi l-użu ta’ tagħmir ta’ enerġija effiċjenti fis-settur domestiku. Din l-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali, u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi), għal użu tat-tagħmir fil-propjeta’ residenzjali tagħhom, u għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika. It-teknoloġiji kkunsidrati bħala eliġibbli taħt din l-iskema huma ħiters tal-ilma solari, ħiters tal-ilma b’pompa tas-sħana u bojlers flimkien ma’ pannelli.

Din l-iskema tnehdiet permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 581 tas-sena 2025.
Din l-iskema ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026 permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 2034 tas-sena 2025.

Applikanti prospettivi huma mistiedna jikkonsultaw il-Linji Gwida għall-Applikanti, li tħejjew sabiex jgħinnu lil applikanti biex jimlew il-formola tal-applikazzjoni għal għotja għal ‘Water Heater’.

Il-formola tal-applikazzjoni hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-applikanti għandhom jimlew Parti A tal-applikazzjoni bid-dettalji personali tagħhom. Parti A għandha tiġi mimlija b’mod sħiħ u sottomessa lil REWS qabel ma jinxtara u ma jiġi installat it-tagħmir. L-applikanti huma wkoll meħtieġa sabiex jistennew l-ittra ta’ konferma maħruġa mir-REWS, li l-applikazzjoni tagħhom ġiet aċċetata qabel ma jinxtara u jiġi installat it-tagħmir.

2025 Skema ta’ ‘Water Heater’
⦁    Parti A
 għandha timtela’ b’mod sħiħ qabel tinxtara s-sistema tal-‘ Water Heater’ Aċċessa l-applikazzjoni online.

1.2: Applikazzjoni – Parti B – 2025 Skema għal ‘Water Heater’

Malli t-tagħmir jiġi installat u kkummissjonat, l-applikanti huma meħtieġa li jissottomettu Parti B tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa.

2025 Skema ta’ ‘Water Heater’
⦁   Parti B għandha timtela’ wara l-installazzjoni u l-kummissjonar tas-sistema tal-‘Water Heater’
 Aċċessa l-applikazzjoni online.

2: Referenzi Legali

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji tal-karta tal-Identità jew tad-dokument ta’ Residenza tal-applikant;
  2. Firma tal-applikant bl-idejn meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
  3. Kont tad-dawl maħruġ mill-ARMS Ltd. fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett.

4: Tip ta’ Evidenza li għandha tiġi sottomessa

  1. Kopja tal-karta tal-Identità jew id-dokument ta’ Residenza tal-applikant;
  2. Kopja tal-kont tad-dawl maħruġ mill-ARMS Ltd. fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett, fuq isem l-applikant, ‘residenzajali’ jew ‘domestiku’;
  3. Kopja tal-kuntratt tal-kiri tal-propjetà fejn it-teknoloġija ġiet installata (fejn applikabbli);
  4. Irċevuta/i fiskali oriġinali;
  5. Kopja tal-fattura;
  6. Ritratti tal-plakki tal-klassifikazzjoni tat-teknoloġija installata;
  7. Ritratti tal-installazzjoni;
  8. Kopja tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar (fejn meħtieġ);
  9. Kopja tal-garanzija għas-sistema;
  10. Ċertifikat tal-kummissjonar maħruġ mill-installatur;
  11. Formola tal-applikazzjoni ffirmata.

5: Tariffi Applikabbli

Mhux applikabbli.

6: Penali u Reati

Mhux applikabbli.

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Il-liġi ma tistabbilixix perjodu speċifiku sabiex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet. Ġeneralment, applikazzjoni tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien 5 ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-formola tal-applikazzjoni kompluta.

Min-naħa tal-applikant, hemm perjodu ta’ sitt (6) xhur mid-data tal-konferma tal-aċċetazzjoni tal-għotja, fejn is-sistema trid tiġi installata u kkummissjonata u tiġi sottomessa Parti B inkluż id-dokumetazzjoni kollha relatata meħtieġa. Nuqqas li s-sistema tiġi installata u kkummissjonata u/jew nuqqas li Parti B tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa ma jiġux sottomessi jista’ jwassal għal irtirar tal-offerta tal-għotja.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem il-Kumitat ta’ Reviżjoni jew għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ rimedju stabbilit mil-liġi.

10: Awtoritá Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa bil-posta u/jew bl-idejn indirizzata:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, 
Zentrum Business Centre, Livell 1,
Triq l-Imdina, 
Ħal Qormi, QRM 9010
Malta.