MLT

Skema għar-Reġistrazzjoni ta’ Korsijiet ta’ Taħriġ li jwasslu għal Ċertifikazzjoni ta’ Installaturi ta’ Sistemi ta’ Enerġija Rinovabbli u Provdituri ta’ Servizzi tal-Enerġija

Last updated May 13, 2025

Reġistrazzjoni ta’ Korsijiet li jwasslu għal Ċertifikazzjoni ta’ Installaturi ta’ Bojlers u Stufi tal-Bijomassa fuq Skala Żgħira, Sistemi Solari Fotovoltajċi u Termali, Sistemi Ġeotermali Mhux Profondi u Pompi tas-Sħana, Verifikaturi tal-Enerġija, Managers tal-Enerġija u Provdituri ta’ Servizzi tal-Enerġija

1: Applikazzjoni għal Reġistrazzjoni ta’ Korsijiet ta’ Taħriġ li jwasslu għal Ċertifikazzjoni ta’ Installaturi ta’ Sistemi ta’ Enerġija Rinovabbli u Provdituri ta’ Servizzi tal-Enerġija

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jirreġistra korsijiet ta’ taħriġ li jwasslu għaċ-ċertifikazzjoni ta’:

  1. installaturi ta’ bojlers u stufi tal-bijomassa fuq skala żgħira;
  2. installaturi ta’ sistemi solari fotovoltajċi;
  3. installaturi ta’ sistemi solari termali;
  4. installaturi ta’ sistemi ġeotermali mhux profondi u pompi tas-sħana;
  5. verifikaturi tal-enerġija;
  6. managers tal-enerġija;
  7. providituri ta’ servizzi tal-enerġija.

Reġistrazzjoni ta’ kors ta’ taħriġ taħt din l-iskema hija valida għal sitta u tletin (36) xahar kalendarju mid-data tal-approvazzjoni mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u tiġġedded awtomatikament wara li jiskadi dan il-perjodu sakemm ir-Regolatur ma jitlobx lill-provditur tal-kors biex jerġa’ japplika b’termini u kundizzjonijiet li jista’ jistabbilixxi u jikkomunika lir-reġistrant sa mhux iktar tard minn sitt (6) xhur kalendarji minn meta tiskadi l-validità tar-reġistrazzjoni.

Kwalunkwe persuna li tixtieq tipprovdi kors ta’ taħriġ li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni ta’ installaturi għall-installazzjoni tat-teknoloġiji msemmija hawn fuq (punti a sa d) u/jew bħala verifikaturi tal-enerġija u/jew managers tal-enerġija u/jew provdituri ta’ servizzi tal-enerġija għandha tirreġistra mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma biex tkun tista’ tipprovdi dawk il-korsijiet ta’ taħriġ.

Formola tal-Applikazzjoni

Formola ta’ Applikazzjoni – Provdituri tat-Taħriġ  REWS/136/v5-03-03/20

2: Referenzi Legali

Avviż tal-Gvern 1302

Emenda għal AG 1302 tas-27 ta’ Jannar 2015

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  • Dettalji / numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u/jew in-numru tal-VAT tal-applikant skont kif applikabbli;
  • Firma tal-applikant bl-idejn (jew tar-rappreżentanti legali kollha f’każ ta’ kumpanija jew soċjetà) meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
  • F’każ ta’ kumpanija jew organizzazzjoni legali, iridu jiġu sottomessi d-dettalji tar-rappreżentanti legali;
  • Numru tal-Liċenzja tat-Tagħlim maħruġ mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) jekk ikun applikabbli.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  • Kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant jew tal-firmatarju(i) kollha f’każ ta’ kumpanija jew organizzazzjoni;
  • F’każ li l-applikant ikun:
    1. kumpanija, trid tiġi sottomessa kopja tal-Memorandum u Statut ta’ Assoċjazzjoni uffiċjali tal-kumpanija;
    2. organizzazzjoni, trid tiġi sottomessa kopja tal-istatut li jidentifika l-President u s-Segretarju;
    3. kummerċjant waħdieni, trid tiġi sottomessa kopja taċ-ċertifikat tal-VAT.
  • Kopja ta’ Liċenzja tat-Tagħlim valida maħruġa mill-NCFHE. (Mhix applikabbli għall-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST)).
  • Kopja ta’ Dikjarazzjoni ta’ Rikonoxximent valida maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE).

5: Tariffi Applikabbli

Mhux applikabbli

6: Penali u Reati

Mhux applikabbli

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

M’hemmx perjodu stabbilit legalment sabiex ir-Regolatur jirreġistra provditur ta’ kors. Madankollu, ir-Regolatur ifittex li jipproċessa applikazzjonijiet kompleti fi żmien għaxart (10) ijiem tax-xogħol.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta