MLT

Ġenerazzjoni tal-Elettriku minn Sorsi ta’ Enerġija Rinovabbli (RES) u Sħana u Enerġija Kkombinati (CHP) – Notifika u Awtorizzazzjoni

Last updated May 6, 2025

Notifika dwar Impjant tal-Enerġija Rinovabbli (Microwind, Solari Fotovoltajku u CHP) b’kapaċità nominali ta’ 16-il Amp jew inqas kull Fażi 230/400V;

Talba għal Awtorizzazzjoni għall-Kostruzzjoni ta’ Installazzjoni CHP u/jew Sistema Solari Fotovoltajka mingħajr Talba għal Tariffa Feed-in, u b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 16-il Amp kull Fażi;

Talba għal Awtorizzazzjoni għall-Kostruzzjoni ta’ Installazzjoni RES għall-Ġenerazzjoni tal-Elettriku b’Kapaċità ta’ 40kW jew aktar, u li ġiet mogħtija sapport permezz ta’ Proċedura Kompetittiva ta’ Offerti;

Talba għal Bidla fir-rigward ta’ Installazzjoni RES Eżistenti jew Installazzjoni CHP Eżistenti.

1.1: Notifika dwar Impjant tal-Enerġija Rinovabbli (Microwind, Solari Fotovoltajku u CHP) b’kapaċità nominali ta’ 16-il Amp jew inqas kull Fażi 230/400V

Kull impjant tal-enerġija għandu jikkonforma mar-Regolamenti Dwar l-Elettriku L.S.545.34, liema regolamenti jirrikjedu li impjant tal-enerġija b’kapaċità nominali ta’ 16-il Amp jew inqas għal kull fażi jrid ikun notifikat lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.

Kull persuna li tixtieq tinstalla installazzjoni microwind u/jew installazzjoni solari fotovoltajka u/jew installazzjoni ta’ Sħana u Enerġija Kkombinati (CHP) b’kapaċità nominali ta’ 16-il Amp jew inqas kull fażi 230/400V sabiex:

  1. tiġġenera l-elettriku primarjament għall-użu tagħha stess u titħallas l-indikatur tal-prezz tas-suq għall-elettriku esportat lejn il-grilja elettrika; jew
  2. tbigħ l-elettriku ġġenerat skont ftehim ta’ xiri ta’ enerġija mal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSO) (Enemalta plc);

għandha tinnotifika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma qabel ma tinstalla dik l-installazzjoni ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku.

Applikazzjonijiet għal notifika lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma dwar installazzjoni microwind u/jew installazzjoni solari fotovoltajka u/jew installazzjoni ta’ sħana u enerġija kkombinata (CHP) b’kapaċità nominali ta’ 16-il Amp jew inqas kull fażi 230/400V

1.2: Applikazzjoni għal Talba għal Awtorizzazzjoni għall-Kostruzzjoni ta’ Installazzjoni CHP u/jew Sistema Solari Fotovoltajka mingħajr Talba għal Tariffa Feed-in, u b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 16-il Amp kull Fażi

Kull impjant tal-enerġija għandu jikkonforma mar-Regolamenti Dwar l-Elettriku L.S.545.34 liema regolamenti jirrikjedu li impjant tal-enerġija b’kapaċità nominali li teċċedi 16-il Amp għal kull fażi jeħtieġ Awtorizzazzjoni qabel ma jinbena u liċenzja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku meta jinbena. Kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-liċenzja jinħarġu mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.

Kull persuna li tixtieq tinstalla installazzjoni CHP u/jew installazzjoni solari fotovoltajka b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 16-il Amp kull fażi 230/400V sabiex:

  • tiġġenera l-elettriku primarjament għall-użu tagħha stess u titħallas l-indikatur tal-prezz tas-suq għall-elettriku esportat lejn il-grilja elettrika; jew
  • tbigħ l-elettriku ġġenerat skont ftehim ta’ xiri ta’ enerġija mal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSO) (Enemalta plc);

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u tikseb:

  1. awtorizzazzjoni qabel ma tinbena; u
  2. liċenzja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku wara li l-impjant tal-enerġija jkun inbena.

Applikanti prospettivi li beħsiebhom jiksbu awtorizzazzjoni huma mistiedna jikkonsultaw din l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni: Informazzjoni dwar Awtorizzazzjoni għall-Applikant u Gwida Formola Awtorizzazzjoni PV .

Formoli tal-Applikazzjonijiet:

Biex tissottometti l-applikazzjonijiet online permezz tal-one-stop-shop uża din il-link: 

Nota Teknika

Guidance Notes on the Electricity Connection and Supply Regulations

1.3: Applikazzjoni għal Talba għal Awtorizzazzjoni għall-Kostruzzjoni ta’ Installazzjoni RES għall-Ġenerazzjoni tal-Elettriku b’Kapaċità ta’ 40kW jew aktar, u li ġiet mogħtija sapport permezz ta’ Proċedura Kompetittiva ta’ Offerti

Kull impjant tal-enerġija għandu jikkonforma mar-Regolamenti Dwar l-Elettriku L.S.545.34, liema regolamenti jirrikjedu li impjant tal-enerġija b’kapaċità nominali li teċċedi 16-il Amp għal kull fażi jeħtieġ Awtorizzazzjoni qabel ma jinbena u liċenzja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku wara li jkun inbena. Kemm l-awtorizzazzjoni kif ukoll il-liċenzja jinħarġu mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.

Kull persuna li tixtieq:

  1. tinstalla impjant tal-enerġija li juża sorsi ta’ enerġija rinovabbli (RES) u b’kapaċità nominali ta’ 40kW jew aktar; u
  2. liema impjant kien mogħti sapport wara proċess ta’ offerti;

għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u tikseb awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija qabel ma jinbena u liċenzja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku meta l-impjant ikun inbena.

Formola tal-Applikazzjoni:  

1.4: Applikazzjoni għal Talba għal Bidla fir-rigward ta’ Installazzjoni RES Eżistenti jew Installazzjoni CHP Eżistenti

Persuna li għandha bżonn tagħmel xi tibdil fir-rigward ta’ kwalunkwe installazzjoni RES eżistenti jew installazzjoni CHP eżistenti trid tissottometti applikazzjoni bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jaċċetta applikazzjonijiet għal dawn it-tibdiliet fir-rigward ta’ installazzjoni RES eżistenti jew installazzjoni CHP eżistenti:

  1. bidla tas-sid (trasferiment tal-liċenzja) tal-installazzjoni RES jew tal-installazzjoni CHP;
  2. bidla fl-użu tal-post;
  3. bidla fl-indirizz tal-meter tar-RES / CHP jew il-punt ta’ konnessjoni (flimkien ma’, jew mingħajr, rilokazzjoni tal-installazzjoni RES / CHP).

Formola tal-Applikazzjoni:

Sabiex jitlob kwalunkwe bidla minn dawk elenkati hawn fuq, l-applikant għandu jissottometti din l-applikazzjoni lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma:

Talba għal bidla f’impjant tal-enerġija RES/CHP eżistenti

Flimkien ma’ din l-applikazzjoni, jekk il-bidla mitluba tikkonsisti f’:

  1. Bidla fis-sid (trasferiment tal-liċenzja) tal-installazzjoni RES / CHP, l-applikant ikun mitlub ukoll jissottometti din il-formola kompluta: Trasferiment ta’ liċenzja ta’ ġenerazzjoni. (REWS/127/v9-04-03/22)
  2. Bidla fl-indirizz tal-meter tar-RES / CHP jew il-punt ta’ konnessjoni (flimkien ma’, jew mingħajr, rilokazzjoni tal-installazzjoni RES / CHP), għal installazzjoni RES / CHP b’kapaċità nominali sa 16-il Amp, l-applikant irid jissottometti wkoll din il-formola kompluta: Applikazzjoni Notifika PV jew Applikazzjoni Notifika WTCHP skont kif ikun applikabbli.
  3. Bidla fl-indirizz tal-meter tar-RES / CHP jew il-punt ta’ konnessjoni (flimkien ma’, jew mingħajr, rilokazzjoni tal-installazzjoni RES / CHP), għal installazzjonijiet li jeċċedu s-16-il Amp kull fażi, l-applikant ikun meħtieġ jissottometti wkoll din il-formola kompluta: Applikazzjoni Awtorizzazzjoni PV jew Applikazzjoni Awtorizzazzjoni CHP skont kif ikun applikabbli.

2: Referenzi Legali

Regolamenti Dwar l-Elettriku L.S.545.34

Regolamenti dwar Skema ta’ Tariffi Feed-in (Elettriku Ġenerat minn Stallazzjonijiet Fotovoltajċi tax-Xemx) (L.S. 545.27)

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  • Dettalji / numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u/jew in-numru tal-VAT tal-applikant skont kif applikabbli;
  • Dettalji / numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u/jew in-numru tal-VAT tas-sid preċedenti/id-detentur preċedenti tal-liċenzja, skont kif applikabbli, f’każ ta’ trasferiment;
  • Dettalji / numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u/jew in-numru tal-VAT tas-sid il-ġdid/id-detentur il-ġdid tal-liċenzja, skont kif applikabbli, f’każ ta’ trasferiment;
  • Firma tal-applikant bl-idejn (jew tar-rappreżentanti legali kollha f’każ ta’ kumpanija jew soċjetà) meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
  • Firma bl-idejn, tas-sid preċedenti/id-detentur preċedenti tal-liċenzja (jew tar-rappreżentanti legali kollha f’każ ta’ kumpanija jew soċjetà) meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni f’każ ta’ trasferiment;
  • Firma bl-idejn, tas-sid il-ġdid/id-detentur il-ġdid tal-liċenzja (jew tar-rappreżentanti legali kollha f’każ ta’ kumpanija jew soċjetà) meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni f’każ ta’ trasferiment.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

  • Kopja(i) tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tal-applikant jew tar-Rappreżentant(i) Legali f’każ ta’ kumpanija / Organizzazzjoni Legali;
  • F’każ li l-applikant ikun:
    • kumpanija, trid tiġi sottomessa kopja tal-Memorandum u Statut ta’ Assoċjazzjoni uffiċjali tal-kumpanija;
    • organizzazzjoni, trid tiġi sottomessa kopja tal-istatut li jidentifika l-President u s-Segretarju, eż. f’każ ta’ każin tal-banda;
    • kummerċjant waħdieni, trid tiġi sottomessa kopja taċ-ċertifikat tal-VAT.
  • Kopja tal-kont tal-elettriku ta’ ARMS Limited f’isem l-applikant tal-post fejn l-impjant tal-enerġija se jkun installat u kkonnettjat (mhux applikabbli f’każ ta’ bini ġdid u/jew servizz ġdid tal-elettriku / applikant li hu parti terza).
  • Skeda tad-data tal-manifattur tal-impjant tal-enerġija f’każ ta’ CHP u microwind.
  • Mappa tas-sit mis-server tal-Web tal-Awtorità tal-Ippjanar li tindika s-sit f’każ ta’ CHP turi l-post tal-installazzjoni u tal-metering mid-DSO (Enemalta plc.).
  • Kopja tal-kuntratt tax-xiri tal-enerġija (jekk ikun applikabbli).
  • Dettalji tekniċi tal-impjant tal-enerġija u dikjarazzjoni ffirmata minn inġinier elettriku bil-warrant.
  • F’każ ta’ CHP jew microwind, permess tal-Awtorità tal-Ippjanar jew awtorizzazzjoni li tinkludi d-disinni msemmija kollha approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
  • F’każ ta’ CHP, permess tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jew awtorizzazzjoni li tinkludi d-disinni msemmija kollha approvati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
  • Jekk l-installazzjoni solari fotovoltajka mhix se tiġi installata fuq bejt ta’ bini eżistenti, permess mill-Awtorità tal-Ippjanar, jew inkella ittra mill-istess Awtorità tal-Ippjanar li tikkonferma li ma jenħtieġx permess.
  • F’każ ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni li teċċedi 16-il Amp għal kull fażi, u li allura teħtieġ awtorizzazzjoni, konferma li m’hemmx oġġezzjoni mingħand id-DSO (Enemalta plc).

Talba għal bidla fis-sid:

  • F’każ li s-sid il-ġdid ikun:
    • kumpanija, trid tiġi sottomessa kopja tal-Memorandum u Statut ta’ Assoċjazzjoni uffiċjali tal-kumpanija;
    • organizzazzjoni, trid tiġi sottomessa kopja tal-istatut li jidentifika l-President u s-Segretarju, eż. f’każ ta’ każin tal-banda;
    • kummerċjant waħdieni, trid tiġi sottomessa kopja taċ-ċertifikat tal-VAT.

5: Tariffi Applikabbli

  • Tariffa tal-applikazzjoni , mhix rifondibbli, ta’ mitejn ewro (€200 )  għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’kapaċità ta’ 40kW jew aktar iżda inqas minn 5MWp;
  • Tariffa tal-applikazzjoni , mhix rifondibbli, ta’ ħames mitt ewro (€500 )  għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’kapaċità ta’ 5MWp jew aktar

6: Penali u Reati

Regolament 59 (1) tar-Regolamenti Dwar l-Elettriku (L.S. 545.34) jistabbilixxi li jekk persuna tikser xi dispożizzjoni tar-Regolamenti Dwar l-Elettriku jew ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja jew ta’ xi awtorizzazzjoni jew approvazzjoni maħruġa taħthom, tkun ħatja ta’ reat u meta tinstab ħatja tista’ teħel multa ta’ mhux iktar minn disgħa u sittin elf ewro (€69,000) jew ta’ elf u tliet mitt ewro (€1,300) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej dak ir-reat.

Regolament 59(2) tar-Regolamenti Dwar l-Elettriku (L.S. 545.34)   jistabbilixxi li kwalunkwe persuna li, meta tkun meħtieġa jew tiġi mitluba informazzjoni taħt dawn ir-regolamenti mir-Regolatur xjentement jew b’negligenza –

  1. tagħti informazzjoni falza, mhix eżatta jew li tqarraq; jew
  2. tipprovdi informazzjoni mhix kompluta; jew
  3. tonqos, mingħajr raġuni valida, milli tipprovdi l-informazzjoni mitluba fiż-żmien mogħti lilha; jew
  4. twaqqaf jew tfixkel xi investigazzjoni; jew
  5. iġġib jew tipprovdi, jew tikkaġuna jew intenzjonalment tippermetti li tinġieb jew tiġi pprovduta, xi dokumentazzjoni jew informazzjoni li tkun taf li tkun falza fi kwalunkwe aspett materjali,

tkun ħatja ta’ reat u meta tinstab ħatja tista’ teħel multa ta’ mhux inqas minn elf ewro (€1,000) u ta’ mhux iktar minn sittin elf ewro (€60,000) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej dak in-nuqqas ta’ konformità.

Regolament 59(3)  tar-Regolamenti Dwar l-Elettriku (L.S. 545.34) jistabbilixxi li jekk persuna tonqos milli tħares id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti jew ta’ xi kundizzjoni ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur, ir-Regolatur jista’ jirrevoka dik il-liċenzja jew awtorizzazzjoni.

Regolamenti 60(1) u 60(2)  tar-Regolamenti Dwar l-Elettriku (L.S. 545.34) jistabbilixxu li r-Regolatur jista’ jimponi multa amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tar-regolamenti jew li tonqos milli tikkonforma ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur biex jiżgura konformità ma’ dawn ir-regolamenti u din il-multa:

  1. m’għandhiex teċċedi mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
  2. f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, ukoll jekk dik il-multa tirriżulta f’ammont li jeċċedi il-limitu ta’ mitt elf ewro (€100,000).

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

  • Il-liġi ma tistabbilix perjodu speċifiku għat-twettiq ta’ din il-proċedura.
  • Ġeneralment, l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fi żmien għaxart (10) ijiem sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ xi kjarifiki u/jew spezzjoni tas-sit.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta