MLT

2025 Skema ta’ Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli

Last updated May 26, 2025

2025 Skema ta’ Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli

1.1: Applikazzjoni – Parti A – Skema 2025 RES

L-iskema RES, hija amminstrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, bil-ħsieb li tinkoraġġixxi iktar l-użu aħjar ta’ enerġija rinnovabbli, iġġenerata fil-pajjiż. Din l-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali, u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi), għal użu ta’ tagħmir fil-propjetà residenzjali tagħhom, u għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika, sakemm l-installazzjoni fotovoltajika, m’għandu jkollha l-ebda allokazzjoni attiva ta’ feed-in tariff. Jekk is-sistema fotovoltajika installata jkollha allokata feed-in tariff, il-perjodu ta’ garanzija għandu jkun skadut.
Din l-iskema tnehdiet permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 319 tas-sena 2025.

Applikanti prospettivi huma mistiedna jikkonsultaw il-Linji Gwida għall-Applikanti, li tħejjew sabiex jgħinu lill-applikanti biex jimlew il-formola tal-applikazzjoni għal għotja ta’ Sistema RES.

Il-formola tal-applikazzjoni hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-applikanti għandhom jimlew Parti A tal-applikazzjoni bid-dettalji personali tagħhom. Parti A għandha tiġi mimlija u sottomessa lil REWS, qabel ma jinxtara u jiġi installat it-tagħmir.

Skema 2025 RES  – Parti A għandha timtela’ qabel jinxtara t-tagħmir. Aċċessa l-applikazzjoni online.

1.2: Applikazzjoni – Parti B – Skema 2025 RES

Hekk kif it-tagħmir jiġi installat u kkummisjonat, l-applikanti għandhom jissottomettu Parti B tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa.

Skema 2025 RES  – Parti B għandha timtela’ wara li ssir l-installazzjoni u l-kummisjonar. Aċċessa l-applikazzjoni online.

2: Referenzi Legali

Avviż tal-Gvern numru 319 tas-sena 2025.
Linji Gwida għall-Applikanti

RES 2025 Scheme – Preżentazzjoni b’informazzjoni miżjuda

Lista ta’ perċentwali ta’ għajnuna:

  • Għażla A – Sistema fotovoltajika bi standard solar inverter: 50% tal-infiq eliġibbli sa massimu ta’ 2,500 Euro kull sistema u Euro 625 kull kWp.
  • Għażla B – Sistema fotovoltajika b’ inverter hybrid: 50% tal-infiq eliġibbli sa massimu ta’ 3,000 Euro kull sistema u Euro 750 kull kWp.
  • Għażla Ċ – Hybrid/Battery inverter u sistema ta’ batterija għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli: 80% tal-infiq eliġibbli tas-sistema tal-batterija sa massimu ta’ 7,200 Euro kull sistema u Euro 720 kull kWh u 80% tal-infiq eliġibbli tal-Hybrid inverter sa massimu ta’ 1,800 Euro kull sistema u Euro 450 kull kWp.
  • Għażla D -. Sistema ta’ Batterija għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli: 80% tal-infiq eliġibbli tas-sistema tal-batterija sa massimu ta’ 7,200 Euro kull sistema u Euro 720 kull kWh.

Sidien ta’ sistemi installati fuq postijiet residenzjali (anke dawk li ma bbenefikaw minn ebda għajnuna fuq xi Sistema tal-Panelli jiġifieri la Feed-in Tariff jew Għotja) u ilhom imqabbda mal-grid għallinqas sitt snin jistgħu japplikaw għal preferenza Ċ.

L-applikant, meta japplika għal għażla B, jista’ japplika wkoll għal għażla D.

Għal għażiet Ċ u D, f’ kas li l-installazjoni tkun ser issir f’Ghawdex, l-ammont ta’ għajnuna relatat mal-Batterija ser jizdied għal 95% tal-infiq eliġibbli tas-sistema tal-batterija sa massimu ta’ 8,550 Euro kull sistema u Euro 855 kull kWh.

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

1.    Dettalji tal-Karta tal-Identità jew Dokument ta’ Residenza;
2.    Firma tal-applikant bl-idejn, meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
3.    Kont tad-Dawl maħruġ mill-ARMS Ltd fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett, f’isem l-applikant.

4: Tip ta’ Evidenza li Għandha Tiġi Sottomessa

1.   Kopja tal-Karta tal-Identità jew id-Dokument ta’ Residenza tal-applikant;
2.   Kopja tal-kont tad-Dawl maħruġ mill-ARMS Ltd fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett, f’isem l-applikant;
3.   Irċevuta/i fiskali oriġinali;
4.   Kopja tal-fattura/i;
5.   Ritratti tal-plakki tal-klassifikazzjoni tat-teknoloġiji installati;
6.   Ritratti tas-sit tal-installazzjoni;
7.    Kopja tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar (fejn meħtieġ);
8.   Ċertifikat tal-kummissjonar maħruġ minn inġinieri elettriku bil-warrant;
9.   Formola tal-applikazzjoni ffirmata.

5: Tariffi Applikabbli

Mhux applikabbli.

6: Penali u Reati

Mhux applikabbli.

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Il-liġi ma tistabbilixix perjodu speċifiku sabiex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet. Ġeneralment, applikazzjoni tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien ħames (5) ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-formola tal-applikazzjoni kompluta.

Min-naħa tal-applikant, hemm perjodu ta’ 8 xhur li matulhom trid issir l-installazzjoni u l-kummisjonar tas-sistema, inkluż is-sottomissjoni ta’ Parti B kif ukoll id-dokumentazzjoni kollha relatata meħtieġa.
 

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba Mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem il-Kumitat ta’ Reviżjoni jew għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ rimedju stabbilit mil-Liġi.

10: Awtorità Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa mal-formola tal-applikazzjoni bil-posta jew bl-idejn indirizzata lil:


Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Level 1,
Triq l-Imdina,
Ħal Qormi, QRM 9010
Malta.

icon icon icon icon icon