MLT

2025 Skema ta’ Apparat għall-Ilma tal-Vit (TW) – Għotja fuq Xiri ta’ Filtru/i tal-Karbonju Attivat.

Last updated May 26, 2025

2025 Skema ta’ Apparat għall-Ilma tal-Vit (TW) – Għotja fuq Xiri ta’ Filtru/i tal-Karbonju Attivat.

1.1: 2025 Skema ta’ Apparat għall-Ilma tal-Vit

L-iskema tal-ilma tal-vit (TW) hija amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, biex jitnaqqas l-użu ta’ kontenituri tal-plastik użati għall-ibbottiljar tal-ilma, permezz ta’ filtru/i tal-karbonju attivat. Din l-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali, u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi) għal użu fil-propjetà residenzjali tagħhom, u għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika.

Din l-iskema tnehdiet permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 468 tas-sena 2025.

Applikanti prospettivi huma mistiedna jikkonsultaw il-Linji Gwida għall-Applikanti, li tħejjew sabiex jgħinu lill-applikanti biex jimlew il-formola tal-applikazzjoni għall-għotja.

L-applikanti għandhom jimlew l-applikazzjoni bid-dettalji personali tagħhom. L-applikazzjoni għandha timtela u tiġi sottomessa lir-REWS wara x-xiri u l-installazzjoni tal-apparat. 

Ammont tal-għotja:

60% fuq il-prezz tax-xiri u installazzjoni ta’ tagħmir tas-Sistema ta’ Filtrazzjoni tal-Ilma (filtri tal-karbonju attivat) soġġett għal għotja massima ta’ €100.

1.2: Applikazzjoni – 2025 Skema ta’ Apparat għall-Ilma tal-Vit

Hekk kif l-apparat jiġi installat, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa.
L-applikazzjoni għandha timtela fi żmien sitt (6) xhur mix-xiri tal- Apparat għall-ilma tal-Vit (TW).

Għafas hawn għall-Applikazzjoni Online għas-Skema tal-Ilma mill-Vit.

2: Referenzi Legali

3: Mezzi ta’ Awtentikazzjoni, Identifikazzjoni u Firma

  1. Dettalji tal-Karta tal-Identità jew Dokument ta’ Residenza;
  2. Firma tal-applikant bl-idejn jew diġitali, meħtieġa fuq il-formola tal-applikazzjoni;
  3. Kont tad-Dawl komplut fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett maħruġ fl-aħħar 12-xahar. L-Iskema tal-Konsumatur għandha tkun jew ‘Residenzjali’ jew ‘Domestiku’.

4: Tip ta’ Evidenza li għandha tiġi sottomessa

  1. Kopja tal-Karta tal-Identità jew id-Dokument ta’ Residenza tal-applikant;
  2. Kopja tal-kont tad-Dawl maħruġ mill-ARMS Ltd. fir-rigward tal-post fejn ser isir il-proġett f’isem l-applikant;
  3. Irċevuta fiskali oriġinali datata maħruġa f’isem l-applikant, li tipprovdi dettalji tal-oġġett/i mixtrija;
  4. Formola tal-applikazzjoni ffirmata (b’mod manwali jew diġitali).

5: Tariffi Applikabbli

Mhux applikabbli.

6: Penali u Reati

Mhux applikabbli.

7: Skadenzi jew Perjodu ta’ Żmien Indikattiv li r-Regolatur Jeħtieġ għat-Twettiq tal-Proċedura

Il-liġi ma tistabbilixix perjodu speċifiku sabiex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet. Ġeneralment, applikazzjoni tiġi determinata mir-Regolatur fi żmien ħames (5) ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-formola tal-applikazzjoni kompluta.

L-applikanti għandhom perjodu ta’ sitt (6) xhur mid-data tax-xiri tal-apparat biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha relatata meħtieġa.

8: Regoli dwar Nuqqas ta’ Tweġiba mingħand ir-Regolatur u Konsegwenzi Legali

Ġeneralment, il-Liġi Amministrattiva ta’ Malta tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ tweġiba titqies bħala ekwivalenti għal ċaħda u l-applikant għandu d-dritt ta’ appell.

9: Mezzi ta’ Rimedju u Appell

Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew liċenzja, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem il-Kumitat ta’ Reviżjoni jew għal kwalunkwe mezz ieħor ta’ rimedju stabbilit mil-Liġi.

10: Awtoritá Kompetenti

Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa bil-posta u/jew bl-idejn indirizzata:

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, 
Zentrum Business Centre, Livell 1,
Triq l-Imdina, 
Ħal Qormi, QRM 9010
Malta.

icon icon icon icon icon