Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jaċċetta notifiki mingħand persuni u joħroġ awtorizzazzjonijiet lil persuni għat-twettiq tal-attività ta’ operatur tal-bijokarburanti u, jew tal-bijolikwidi skont ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi – L.S. 545.15.
Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:
- timporta u, jew tbigħ bl-ingrossa bijokarburanti u, jew bijolikwidi f’ammonti ikbar minn 2000 litru matul sena kalendarja;
- tipproduċi u, jew tħallat bijokarburanti u, jew bijolikwidi f’ammonti ikbar minn 2000 litru matul sena kalendarja;
- twettaq l-attività ta’ distributur esklussivament għal bijokarburanti u, jew bijolikwidi;
- topera pompa għall-bejgħ bl-imnut esklussivament għal bijokarburanti u, jew bijolikwidi;
- taħżen bijokarburanti u, jew bijolikwidi għall-użu personali u/jew għall-użu ta’ partijiet terzi (applikabbli wkoll għall-attivitajiet 1 sa 4 imsemmija hawn fuq);
għandha tapplika bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha awtorizzazzjoni maħruġa mir-Regolatur taħt dawn ir-regolamenti qabel ma topera dik il-faċilità jew sistema ta’ ħżin, u twettaq u teżerċita dik l-attività ta’ servizz.
Kull persuna (inkluż persuna ġuridika) li beħsiebha:
- timporta bijokarburanti u, jew bijolikwidi;
- tipproduċi u, jew tħallat bijokarburanti u, jew bijolikwidi;
għall-użu esklussiv tagħha, u sakemm il-kwantità annwali ta’ bijokarburanti u, jew bijolikwidi b’kollox ma teċċedix 2000 litru matul sena kalendarja, trid tissottometti notifika valida bil-miktub lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u għandu jkollha fil-pussess tagħha konferma ta’ riċevuta, maħruġa mir-Regolatur, ta’ tali notifika valida.
Applikazzjoni għall-ħruġ, tiġdid jew trasferiment ta’ awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ operatur tal-bijokarburanti u, jew bijolikwidi:
Formola – Awtorizzazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż) REWS/099a/v9-05-05/22
Formola Elettronika – Awtorizzazzjoni (Verżjoni bl-Ingliż)
Applikazzjoni għal notifika għat-twettiq tal-attività ta’ operatur tal-bijokarburanti u, jew bijolikwidi (applikabbli biss meta l-volumi annwali ta’ bijokarburanti/bijolikwidi ma jeċċedux 2000 litru):
Formola ta’ Notifika (Verżjoni bl-Ingliż) REWS/099b/v6-03-05/22
Formola Elettronika ta’ Notifika (Verżjoni bl-Ingliż)
Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi – L.S. 545.15
- Dettalji/numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tal-applikant;
- F’każ ta’ entità legali, dettalji/numru(i) tal-karta(i) tal-identità jew passaport(i) tar-rappreżentant(i) legali;
- Firma tal-applikant bl-idejn jew f’każ ta’ entità legali, il-firma(firem) tar-rappreżentant(i) legali tal-entità.
Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjonijiet għat-trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, id-dettalji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu sottomessi wkoll fir-rigward tal-provditur awtorizzat kurrenti.
- Kopja tal-karta(i) tal-identità jew tal-passaport(i) tal-applikant jew tar-Rappreżentant(i) Legali f’każ ta’ kumpanija/Organizzazzjoni Legali;
- Kopja oriġinali taċ-ċertifikat tal-kondotta tal-applikant, maħruġ mill-Pulizija, li fid-data tal-applikazzjoni ma jkunx ilu li ħareġ aktar minn tliet (3) xhur. F’każ ta’ kumpaniji, jintalbu ċ-ċertifikat(i) tal-kondotta fir-rigward tad-diretturi kollha.
Barra minn hekk, f’każ ta’ applikazzjoni ġdida għall-importazzjoni, bejgħ bl-ingrossa, produzzjoni u taħlit ta’ bijokarburanti u, jew bijolikwidi, għandhom jiġu sottomessi wkoll dawn id-dokumenti:
- Pjan tan-Negozju li jinkludi dettalji dwar l-operazzjonijiet proposti, fosthom projezzjonijiet finanzjarji li jkopru tliet (3) snin;
- Ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’każ li dan ma jkunx meħtieġ, għandha tiġi sottomessa dikjarazzjoni minn perit.
F’każ ta’ applikazzjoni għad-distribuzzjoni ta’ bijokarburanti u, jew bijolikwidi, trid tiġi sottomessa d-dokumentazzjoni li ġejja:
- Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn partijiet terzi fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà li tkopri s-siti kollha ta’ parkeġġ tal-vetturi.
Nota: Dettalji dwar il-vettura, inkluż imma mhux esklussivament, in-numru tal-pjanċa, it-tip ta’ karburant intiż biex jitgħabba, u l-indirizz tal-parkeġġ tal-vettura jridu jingħataw fil-formola tal-applikazzjoni.
F’każ ta’ applikazzjoni għal pompa għall-bejgħ bl-imnut, id-dokumentazzjoni li ġejja trid tiġi sottomessa:
- Ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dak l-iżvilupp. F’każ li dan ma jkunx meħtieġ, għandha tiġi sottomessa dikjarazzjoni minn perit.
Dokumenti li jridu jiġu sottomessi fl-istadju tad-disinn f’każ ta’ faċilità ġdida:
- Proposta Teknika kkompilata mill-Persuna Kompetenti, li tindika d-dettalji tad-disinn propost għall-pompa l-ġdida għall-bejgħ tal-Bijokarburanti u/jew il-Bijolikwidi bl-imnut. Persuna Kompetenti tista’ tkun kwalunkwe persuna li qiegħda fil-Lista ta’ Persuni Kompetenti dwar PFS/Ħżin Sekondarju ta’ Petroleum Likwidu.
Wara li jkun inħareġ permess preliminari mir-Regolatur u malli titlesta l-faċilità l-ġdida, trid tiġi sottomessa d-dokumentazzjoni indikata hawn taħt:
- Rapport tal-Kummissjonar tal-pompa tal-bejgħ tal-bijokarburanti u, jew bijolikwidi bl-imnut, ikkompilat mill-Persuna Kompetenti.(REWS 167 V7-3-5/22) Persuna Kompetenti tista’ tkun kwalunkwe persuna li qiegħda fil-Lista ta’ Persuni Kompetenti dwar PFS/Ħżin Sekondarju ta’ Petroleum Likwidu.
- Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn partijiet terzi fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżati mill-ħżin tal-bijokarburanti u/jew bijolikwidi u l-operazzjonijiet relatati li jiġu mwettqa fil-faċilità tal-ħżin.
Nota: Dettalji dwar l-indirizz tal-pompa tal-bejgħ bl-imnut, in-numru ta’ dispensers u n-numru totali ta’ żennuni jridu jingħataw fil-formola tal-applikazzjoni.
Jekk l-attività tkun tinkludi xi ħżin fi wħud mill-operazzjonijiet, tkun trid tiġi sottomessa wkoll din id-dokumentazzjoni:
1. Pjan tan-Negozju li jinkludi dettalji dwar l-operazzjonijiet proposti, inkluż projezzjonijiet finanzjarji.
Dokumenti meħtieġa fl-istadju tad-disinn ta’ faċilità ġdida tal-ħżin:
- Proposta kkompilata mill-Persuna Kompetenti, li tindika d-dettalji tad-disinn propost għall-faċilità tal-ħżin. Persuna Kompetenti tista’ tkun kwalunkwe persuna li qiegħda fil-Lista ta’ Persuni Kompetenti dwar PFS/Ħżin Sekondarju ta’ Petroleum Likwidu;
Wara li jkun inħareġ permess preliminari mir-Regolatur u malli titlesta l-faċilità l-ġdida tal-ħżin, trid tiġi sottomessa d-dokumentazzjoni indikata hawn taħt:
- Ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp li jkopri l-faċilità tal-ħżin. F’każ li dan ma jkunx meħtieġ, għandha tiġi sottomessa dikjarazzjoni minn perit;
- Rapport tal-Kummissjonar tal-faċilità tal-ħżin tal-bijokarburanti u, jew bijolikwidi, ikkompilat mill-Persuna Kompetenti;
- Kopja tal-iskeda tal-assigurazzjoni u d-dettalji tal-polza tal-assigurazzjoni rispettiva, li tindika l-livell ta’ kopertura għar-responsabbiltà lejn partijiet terzi fil-konfront ta’ ħsara fuq il-persuna u ħsara lill-proprjetà kkawżati mill-ħżin tal-bijokarburanti u/jew bijolikwidi u l-operazzjonijiet relatati li jiġu mwettqa fil-faċilità tal-ħżin.
For the application for the granting, renewal or transfer of an Authorisation the applicable fees are as Għall-applikazzjoni għall-ħruġ, tiġdid jew trasferiment ta’ Awtorizzazzjoni, it-tariffi applikabbli huma kif ġej:
- Tariffa tal-applikazzjoni, mhix rifondibbli, ta’ €50 (ħamsin ewro);
- Tariffa annwali tal-awtorizzazzjoni ta’ €50 (ħamsin ewro) u ħlas ta’ €0.00175 għal kull litru ta’ bijokarburant jew bijolikwidu importat jew prodott.
Ma huma dovuti l-ebda tariffi fir-rigward ta’ notifika valida.
Ir-regolament 26 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi jistabbilixxi li jekk persuna twettaq xi reat kontra dawn ir-regolamenti, meta tinstab ħatja tista’ teħel priġunerija għal perjodu ta’ mhux iktar minn tmintax-il-xahar, jew multa ta’ mhux aktar minn disgħa u sittin elf ewro (€69,000), jew ta’ elf u tliet mitt ewro (€1,300) għal kull jum li fih jibqa’ għaddej ir-reat, jew tali multa u priġunerija flimkien.
Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jipprovdi li:
- kwalunkwe persuna li twettaq tali attività mingħajr liċenzja jew taġixxi bi ksur ta’ xi kundizzjoni tal-liċenzja tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux iżjed minn mija u ħmistax-il elf ewro (€115,000) jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn, jew tali multa u priġunerija flimkien.
- ir-Regolatur jista’ jimponi penali amministrattiva fuq kwalunkwe persuna li tikser xi dispożizzjoni tal-Att jew tar-regolamenti magħmulin taħtu jew ta’ kwalunkwe liġi oħra li r-Regolatur għandu jedd jinforza, jew li tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ xi direttiva jew deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur, jew li tonqos milli tosserva kwalunkwe kundizzjoni ta’ xi awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Att. Din il-multa amministrattiva m’għandhiex teċċedi:
- mitt elf ewro (€100,000) għal kull kontravenzjoni u, jew sitt mitt ewro (€600) għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mir-Regolatur; u, jew
- f’każ ta’ intrapriża (inkluż intrapriża integrata vertikalment) jew korp ġuridiku, sa 10% tad-dħul totali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu, f’każ ta’ intrapriża, inkluż intrapriża integrata vertikalment jew korp ġuridiku, tista’ fi kwalunkwe każ tiġi imposta multa sa 10% tad-dħul annwali kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, liema ammont jeċċedi mitt elf ewro (€100,000).
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ operatur awtorizzat tal-bijokarburanti u, jew tal-bijolikwidi, ir-regolament 6 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi jistabbilixxi li r-Regolatur għandu jikkomunika mal-applikant bil-miktub fi żmien raġonevoli, li m’għandux ikun ta’ aktar minn sitt xhur mid-data meta tasal għandu applikazzjoni valida.
Fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid, ir-regolament 7 jistabbilixxi li applikazzjoni biex tiġġedded awtorizzazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub lir-Regolatur, bil-mod kif ir-Regolatur jista’ jitlob, sitt xhur qabel id-data li fiha tkun se tiskadi l-awtorizzazzjoni.
Ir-Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi jistabbilixxu wkoll li, f’każ li r-Regolatur jonqos milli jinforma lill-applikant dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda li tikkonċerna aċċess għal xi attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar ta’ xi awtorizzazzjoni, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li r-Regolatur ikun approva dik l-awtorizzazzjoni b’mod taċitu u li l-applikant ikun awtomatikament ġie mogħti aċċess biex iwettaq jew jeżerċita xi attività ta’ servizz.
Kull deċiżjoni li tittieħed mir-Regolatur, inkluż ċaħda ta’ applikazzjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, tista’ tkun soġġetta għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-artikolu 5 tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 11 tar-Regolamenti dwar is-Suq tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi – L.S. 545.15.
Tista’ tissottometti l-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumentazzjoni kollha relatata u l-pagamenti relevanti msemmija fil-formola tal-applikazzjoni, bil-posta jew inkella bl-idejn indirizzata lil:
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma,
Zentrum Business Centre, Livell 1
Triq l-Imdina
Ħal Qormi QRM 9010
Malta